Futbol Sport

Michael Mifsud deċiżiv f’konfront missielet

(Ritratt: MFA/Joe Borg)

George Cassar

SANTA LUCIA……. 2

MOSTA ……………..3

Santa Lucia: M. Montfort, T. Tabone Desira, A. Magri Overend (K. Xuereb 84’), K. Correia, A. Rodrigues, E. Uzeh, N. Pulis (M. Camilleri 84’), J. Zerafa (L. Motta 52’), Alan, K. Ante Rosero, A. Caseres

Mosta: C. Mafoumbi, D. Debono (O. Sammut 71’), J. Ekani, T. Farrugia, R. Morisco, G. Sciberras (N. Agius 46’) (L. Portelli 90’), M. Muchardi, D. Naah, C. Ememe, W. Donkin (M. Mifsud 62’), Z. Brincat

Skurjaw: D. Naah 31’, 47’ (M), K. Ante Rosero 51’, 75’ (S), M. Mifsud 79’ (M)

Referì: E. Grech

Il-plejer tal-logħba: D. Naah (M)

Michael Mifsud kien deċiżiv f’rebħa diffiċli ta’ Mosta li begħdithom mill-avversarji diretti Santa Lucia u resqithom lejn pożizzjoni iktar trankwilla.

L-iskor infetaħ wara nofs siegħa meta f’kontrattakk Mosti, Divine Naah approfitta minn pass ħażin lura ta’ Jamie Zerafa, daħal veloċi fil-kaxxa u ċaqlaq ix-xibka għall-ewwel darba.

Il-vantaġġ ta’ Mosta rdoppja fit-tieni minuta tat-tieni taqsima meta l-gowlkiper Miguel Montfort ma ħatafx ix-xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Zachary Brincat u Divine Naah kien pront u skorja r-rebound.

Iżda Santa Lucia reġgħu daħlu fil-logħba erba’ minuti wara, meta xutt mill-viċin ta’ Augusto Caseres kien imblukkat minn Tyrone Farrugia, b’Kevin Ante Rosero jieħu l-ballun mitluf u jiskorja

Kwarta mit-tmiem l-iskor sar indaqs meta wara kross mix-xellug tas-sostitut Leandro Motta, Kevin Ante Rosero skorja bir-ras mill-viċin.

Santa Lucia laqtu l-lasta wara xutt mill-bogħod ta’ Timothy Tabone Desira. Iżda l-gowl wasal fuq in-naħa l-oħra meta pass ta’ Zachary Brincat sab lis-sostitut Michael Mifsud żmarkat fil-kaxxa u l-veteran skorja b’xutt fil-baxx il-gowl tar-rebħa.