Lokali

Min għandu domandi…jistaqsi lill-Awtorità tad-Djar

Wara l-pressjoni kbira li saret fl-aħħar ġimgħat mill-PN, il-Gvern qed jgħid li ta bidu għal proċess Parlamentari biex ikun hemm bidla fil-kirjiet ta’ qabel l-1995.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar din ir-Riforma waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Birgu dalgħodu, fejn spjega li sid li jkun irid jibda proċeduri dwar kirja antika se jkun jista’ jibda proċeduri quddiem il-Bord tal-Kirjiet. Il-capping tal-għajnuna se jkun ta’ €10,000.

Minkejja din il-preżentazzjoni li għamel Abela, xorta jidher li ċertu anomaliji se jibqgħu hemm. Robert Abela qal biss illi “min għandu domandi għandu jsaqsi lill-Awtorità tad-Djar.”

Skont il-Prim Ministru, din ir-riforma “kbira” fl-ewwel sena tagħha se tkun qed tiswa’ miljun ewro.

B’dak li qed jipproponi l-Gvern, is-sid se jkollu dritt jitlob għal żieda u l-Gvern se jkopri sa massimu ta’ €10,000.

Mill-informazzjoni li ingħatat f’din il-konferenza tal-aħbarijiet, jidher li bħalissa huma madwar 10,000 il-persuni li qedgħin b’dawn il-kirjiet l-antiki.