Coronavirus Lokali Saħħa

NIKKONFERMAW: Tikber il-pressjoni fuq l-istaff tal-ITU minħabba l-Covid

"Mater Dei qed negħrqu" - tobba u infermieri

Net News jista’ jikkonferma li f’dawn l-aħħar jiem l-istaff tal-ITU spiċċa taħt pressjoni kbira minħabba l-ammont kbir ta’ nies li qed jinżammu rikoverati. Mill-informazzjoni li qasmu magħna numru ta’ tobba u infermiera, jidher li ma’ kull sitt pazjenti qed jispiċċaw żewġ nurses – meta suppost il-protokolli jiddettaw li jkollok infermier ma’ kull pazjent.

“Is-swali huma mimlija. Il-pressjoni tal-Covid bħalissa qed tkissirna”, qalilna tabib li tkellem magħna bil-kundizzjoni tal-anonimità. “Qed naraw l-istess xeni li wieħed kien jara fl-Ingilterra ftit ilu”.

“Mater Dei qed ngħerqu. Anke fl-Emerġenza qed inħossu li s-sitwazzjoni diżastruża”, qalilna infermier ieħor.

Għaliex il-ġenituri qed jinżammu imsakkra?

Intant, numru ta’ persuni li tkellmu ma’ dan is-sit tefgħu dawl ukoll fuq is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa f’numru ta’ residenzi tal-anzjani. Fejn hemm anzjani li diġa’ ingħataw it-tilqima, iżda xorta mhux qed jitħallew joħorġu mill-kamra tagħhom.

Mara li għandna l-ġenituri tagħha f’residenza tal-Gvern qaltilna li din hija assurda, għaliex l-anzjani qed jinżammu f’lockdown meta l-pajjiż mhuwiex.

“Fejn huma d-drittijiet tal-bniedem? Għaliex qed jinżammu imsakkra?”, staqsiet din il-mara.

Skont dak li tħabbar mill-Gvern, issa bil-mod il-mod se jkun qed jitneħħa l-perspex li kien tpoġġa’ f’dawn ir-residenzi tal-anzjani. Dan se jsir għaxart ijiem wara li jitlaqqmu l-aħħar anzjani f’dik ir-residenza partikolari.