Sena wara żjara b’ħafna pompi mill-Ministru Ian Borg, Pjazza San Luqa ntelqet għal rasha, bir-residenti taz-zona ta’ Gwardamanġa jibqgħu mingħajr post ta’ rikreazzjoni.
Din kienet il-karba tagħhom ma’ NET News wara li fit-2 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, il-Ministru tat-Toroq qal li biex din il-Pjazza tinbidel kien qed isirilha investiment ta’ miljun ewro ħalli r-residenti jingħatalhom spazju miftuħ ġdid.
Madankollu, wara sena minn dak il-kliem sabiħ, Pjazza San Luqa spiċċat agħar milli kienet … b’ħaxix ħażin jispunta minn kullimkien u l-postijiet li suppost kellhom ikunu ddedikati għat-tħawwil ta’ pjanti spiċċaw mimlija b’aktar ħaxix ħażin.
Il-persuni li tkellmu ma’ NET News fakkru kif ix-xogħol fuq din il-Pjazza kien inbeda fil-bidu tal-2019. Aktar minn sena wara, maż-żjara tal-Ministru Ian Borg, ix-xogħol kien kważi lest. Madankollu, kollox jidher li tħalla għal rasu minn dakinhar.
Fil-fatt, xogħol ta’ kafkaf u nuqqas ta’ manutenzjoni, fi kliem ir-residenti, ġabu din lil din il-Pjazza fi stat agħar minn kif kienet qabel ma beda x-xogħol. Il-Pjazza bħalissa hi perikoluża għalihom u għat-tfal, b’zoni mhux protetti fejn wieħed jista’ jaqa’ diversi metri, kif ukoll injam u barrikati tal-plastik mitluqin kullimkien.
Dan filwaqt li nnutaw kif it-twaħħil f’xulxin ta’ ħafna tabelli żgur li jmur kontra s-sbuħija li kienet tidher fl-impressjoni artistika li ppreżentawlhom il-Gvern u l-Kunsill Lokali Laburista.
Għaldaqstant, ir-residenti li tkellmu ma’ NET News appellaw lill-Ministru Ian Borg biex ma jinsihomx u mill-kliem sabiħ jgħaddi għall-fatti ħalli anke huma, fl-aħħar, jibdew igawdu minn din il-Pjazza, li ilha tant tiġihom imwegħda.
//= $special ?>