Lokali

Robert Abela jerġa’ jaħrab id-domandi dwar Chris Cardona

Viżibbilment skomdu, il-Prim Ministru Robert Abela s-Sibt filgħodu evita għal kollox id-domandi ripetuti li sarulu minn Net News dwar l-aħħar allegazzjonijiet serjissimi li jorbtu lill-eks Ministru Chris Cardona mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Net News dalgħodu staqsa min qed jgħid il-verità wara li l-Koħħu żvela l-isem tal-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona u implikah f’dawn l-avvenimenti li seħħew kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern.

Robert Abela għażel biss li jfarfarha fuq il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, minkejja li tul din il-ġimgħa Abela kien saħaq li skont l-investigazzjonijiet ma jidhirx li hemm politiċi jew eks politiċi implikati minn Vince Muscat, li ingħata l-maħfra presidenzjali abbażi fost oħrajn li jgħid il-verità kollha dwar kull każ li huwa involut fih.

Għal domanda oħra dwar jekk Cardona hux se jinżamm membru tal-Partit Laburista, Abela għal darb’oħra naqas milli jwieġeb.

Chris Cardona qed jiċħad l-akkużi kontrih – wara li tul il-jum tal-Ġimgħa rapporti qalu li l-istess Cardona allegatament kien implikat fi pjan sabiex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia lura fl-2015 – fatt pero li kemm il-Prim Ministru u wisq inqas il-Partit Laburista li għadu jagħmel parti minnu l-eks Ministru tal-Ekonomija għadhom ma ċaħdux, 24 siegħa wara.

Ir-rapport li deher fit-Times of Malta jitkellem dwar allegat pjan ta’ qtil li iżda għal xi raġuni waqaf u għalhekk, dak iż-żmien, l-assassinju ma kienx sar.

‘Il-Koħħu’ allegatament qal lill-Pulizija li Cardona kien avviċina lill-aħwa Degiorgio u ried itihom €150,000 b’depositu ta’ €50,000 biex joqtlu lill-ġurnalista. Madanakollu hu jgħid li l-flus qatt ma għaddew minn għand l-eks Deputat Laburista għal għand l-aħwa u għalhekk ma kienux komplew bil-pjan li kellhom.

Jidher illi din l-informazzjoni tal-involviment ta’ Cardona waslet għand ‘Il-Koħħu’ minn għand l-aħwa Degiorgio li huma akkużati wkoll fil-pjan biex inqatlet Daphne Caruana Galizia fl-2017.