Internazzjonali

Tattika ġdida għat-tqassim tal-vaċċin fir-renju unit

“Biex insalvaw il-ħajjiet aħna se nisimgħu mill-esperti u se nagħtu t-tilqima tal-COVID skont l-età u mhux skont il-professjoni”. Hekk iddikjara Matt Hancock, is-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit għas-Saħħa, bl-għan li jkompli jiżdied il-pass tat-tilqima.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Hancock spjega li issa waslet fit-tieni fażi l-iskema tat-tilqim kontra l-pandemija. Dan wara li fir-Renju Unit qed jiġi mmarkat li wieħed min kull tliet ċittadini issa hu mlaqqam kontra l-Covid-19.

Id-deċiżjoni biex tinbidel it-tattika tat-tqassim tal-vaċċin f’dan il-pajjiż waslet wara li esperti ddikjaraw li l-proċess li kien qed jintuża’ kien wisq ikkumplikat. Din il-kumplikazzjoni, skont l-esperti, kienet se twassal għal tul ta’ żmien fit-tilqim u għalhekk, strateġijja bbażata fuq l-età u mhux l-impjieg hi l-aħjar waħda.

Meta mistoqsi dwar il-pass tat-tilqim, Van Tam, il-Professur Britanniku dwar il-Covid-19, qal li l-proċess miexi b’pass mgħaġġel ħafna. Hu ta garanzija li min qed jistenna t-tilqima dalwaqt jirċieviha, bl-ammont totali ta’ nies imlaqqma diġà jilħaq id-19-il miljun.

Il-Gvern Britanniku irid li sal-15 ta’ April ikunu tlaqqmu l-persuni kollha li għandhom aktar min 50 sena biex sal-aħħar ta’ Lulju, ikomplu jitlaqqmu l-kumplament tal-adulti.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ingħad ukoll li l-Gvern Britanniku qed jisħaq li n-nies għandhom ikomplu isegwu r-restrizzjonijiet relatati mal-lockdown u ma jitilfux il-kontrol issa tas-sitwazzjoni, bl-għan li sa nofs is-Sajf, il-ħajja tirritorna lura għan-normal.