Filwaqt li l-Gvern preżenti qed jgħin kull fejn hemm bżonn sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-annimali, b’dispjaċir kbir għad hawn min qed jaħqar l-annimali billi jitfgħu velenu fit-toroq biex jivvalenaw bil-konsegwenza li joqtlu ħlejjaq innoċenti. Ta’ min ifakkar li skont il-liġi, l-piena għal reati simili tinvolvi multi u anke sentenza ta’ ħabs.
Il-Kunsill Lokali tal-Fgura permezz tal-Kunsillier responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali, is-Sur Adrian Tanti, lest li jaħdem id f’id mal-Awtoritajiet sabiex ix-xiri ta’ dan il-velenu jiġi kkontrollat u pprojbit li jinbiegħ fis-suq mingħajr ebda identifikazzjoni.
Il-Kunsill Lokali tal-Fgura qed jikkundanna b’mod assolut l-att barbaru li seħħ ftit tal-jiem ilu fil-Fgura, propjament fi Triq Sardinella kantuniera ma’ Triq Kent, fejn f’din iż-żona hemm diversi qtates. Persuna jew persuni li għadhom mhux magħrufa tefgħu b’mod irresponsabbli velenu fl-ikel tal-qtates li jkunu barra bi skop malizjuż ta’ avvelinament tal-qtates.
Għaldaqstant il-Kunsill Lokali tal-Fgura qed jikkundanna dan l-aġir irresponsabbli u qed jieħu l-passi neċessarji sabiex dawn il-persuni jinqabdu u jittieħdu l-passi neċessarji kontrihom.
Il-Kunsill Lokali tal-Fgura jappella lill-Awtoritajiet sabiex ikomplu jinvestigaw sakemm isibu min wettaq dan l-att u jittieħdu l-passi skont il-liġi. Il-Kunsill Lokali jappella wkoll lill-pubbliku sabiex min għandu xi nformazzjoni jgħaddiha b’mod kunfidenzjali lill-Pulizija.
Fl-aħħarnett il-Kunsill Lokali jħeġġeġ lill-pubbliku jirrapporta kull abbuż li jinnota.
//= $special ?>