Lokali

Żwieten jitħallew jistennew wara snin bi problemi ta’ drenaġġ

Ilna snin f’kundizzjonijiet fejn tistħi ddaħħal lin-nies f’darek. Ninsabu ddisprati, f’kundizzjonijiet li fl-2021 suppost wieħed lanqas biss jasal biex joħlomhom.

Hekk sostnew ma’ NET News numru ta’ residenti fi Triq Toni Zahra, fiż-Żejtun, li spjegaw kif għal aktar minn sentejn ilhom jiġġieldu battalja xejn pjaċevoli ma’ problema ta’ drenaġġ. Spjegaw li kawża tad-drenaġġ, li ta’ spiss jispiċċa jinstad, qed jispiċċaw ifurulhom it-toilets tagħhom.

Ir-residenti komplew li dan kollu jidher li beda meta kienu qed isiru xi xogħlijiet fl-istess triq, tant li żewġ spralli ntradmu bit-tarmak u allegatament inxteħet ukoll xi konkos fil-pajp maġġuri tad-drenaġġ, fejn inevitabbilment qed jirriżulta f’sadd kontinwu.

Huma spjegaw li l-irwejjaħ f’ċerti jiem ikunu insopportabbli, tant li lanqas ikunu jistgħu jiftħu tieqa għal ftit arja.

Saħqu li l-problema kienet irrapportata kemm-il darba, madanakollu xorta baqgħet titla’ għal wiċċhom. Fil-fatt, huma jħossuhom minsija, mingħajr l-ebda azzjoni konkreta mill-awtoritajiet, b’dan id-dewmien u tkaxkir tas-saqajn kollu qed jitqies bħala wieħed redikolu.