Futbol Sport

Balzan b’rebħa konvinċenti fuq Sliema Wanderers

(Ritratt: MFA/James Galea)

SLIEMA …………………… 1
BALZAN ………………….. 5

Sliema: J.Galea, J.Mintoff, M.Beerman (J.Barbosa 71′), K.Shaw, D.Vukovic, E.Agius, Denilson (R.Kakinuma 46′), D.Holla, G.Aquilina (M.Sansone 59′), J.Cisotti (J.Borg 91′), A.Satariano (J.Engerer 91′)

Balzan: V.Vranes, A.Loof, S.Arab, D.Milan, P.Fenech (A.Bradshaw 85′), M.Johnson (S.Bezzina 71′), U.Ljubomirac, S.Dimic (A.Effiong 71′), M.Sanoh (M.Grima 61′), A.Andrejic, S.Cipriott (G.Camilleri 85′)

Referee: A.Johnson
Assistenti referees: C.Francalanza, J.Muscat

Sliema daħlu għal din il-partita fil-ħames post tal-klassifika wara id-draw ta’ 2-2 li kisbu fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Birkirkara. Min-naħa l-oħra Balzan kellhom bżonn tliet punti hekk kif jinsabu fl-erbatax-il post fiż-żona relegazzjoni, wara t-telfa li ħadu mal-leaders Ħamrun il-ġimgħa l-oħra.

Balzan kienu perikolużi fl-għaxar minuta permezz ta’ xutt minn fuq ix-xellug ta’ Moussa Sanoh li għadda barra mil-lasti ta’ Jake Galea. Sliema marru fil-vantaġġ fl-20 minuta meta minn balloon fit-tul ta’ Kurt Shaw id-difiża ta’ Balzan naqset milli tbiegħed il-periklu, biex ALEX SATARIANO approfitta u tefa’ ġewwa għal 1-0. Sliema raġgħu marru viċin fit-30 minuta b’xutt bid-dawra ta’ Juri Cisotti, li kien imdawwar f’corner mill-gowlkiper Vranes.

Madanakollu Balzan dawwru ir-riżultat tal-logħba f’temp ta’ żewġ minnuti meta fit-33 minuta kien ANDREJIC ALEKSA li daħal bejn id-difensuri ċentrali ta’ Sliema, biex ġab il-gowl tad-draw. Biex fil-35 minuta Balzan marru fil-vantaġġ meta wara azzjoni maħduma tajba fuq ix-xellug, kien UROS LJUBOMIRAC li kkonkluda għal ġewwa minn pożizzjoni tajba. Balzan skorjaw it-tielet gowl minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, minn pass fit-tul kien MOUSSA SANOH li niżżel tajjeb, u b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Galea għal 3-1.

Fit-tieni taqsima Balzan komplew fejn ħallew u proprju fil-65 minuta skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom, meta minn cross minn fuq il-lemin kien STEFAN DIMIC li minn quddiem il-gowlkiper ma żbaljax għal 4-1. Balzan għamluwhom ħamsa fid-90 minuta meta minn ballun fit-tul UROS LJUBOMIRAC dar mal-gowlkiper u tefa’ f’lasta vojta għal skor finali ta’ 5-1.