Internazzjonali

Ċina: Għexieren ta’ arresti sinonimi mal-era ġdida ta’ ripressjoni f’Hong Kong

Il-Pulizija f’Hong Kong  akkużaw lil talanqas 47 attivist dwar ‘intoppi għall-istituzzjonijiet ta’ tmexxija’ f’din l-eks kolonja Britannika li sa ftit ilu kienet tgawdi livell ta’ awtonomija speċjali mill-kumplament taċ-Ċina.

L-akkużi jirriflettu ‘id-determinazzjoni’ tal-mexxejja ta’ Hong Kong li jappoġġjaw lir-reġim ta’ Beijing fl-infurzar tal-liġi kontroversjali dwar is-sigurtà għal dan it-territorju speċifiku.

Is-47 attivisti kienu fost grupp ta’ 55 li spiċċaw arrestati waqt sensiela ta’ rejds li saru f’Hong Kong matul ix-xahar li għadda. L-attivisti, issa, se jitressqu l-qorti u fl-aħħar sigħat huma kienu infurmati dwar il-ħtieġa li ‘jippreżentaw ruħhom fl-għasses tal-pulizija biex jinżammu taħt arrest.’

Iċ-Ċina, is-sena l-oħra, infurzat il-liġi li tiddikjara ‘l-azzjonijiet li jtellfu lill-mexxejja ta’ Hong Kong’ bħala att kriminali — fost l-insistenza li r-regola drastika hi meħtieġa għaz-zamma tal-istabbilità fit-territorju.

Madankollu, numru kbir ta’ kritiċi qed jipprotestaw maċ-Ċina dwar din il-liġi li skont huma ma tippermettix għal dissens, minbarra li qed twarrab il-kunċett tal-awtonomija għal Hong Kong.

Il-liġi kontroversjali daħlet fis-seħħ wara sensiela ta’ protesti tal-massa, fl-2019, kontra l-mexxejja ‘pro-Beijing’ ta’ Hong Kong u li wħud minnhom kienu karatterizzati bi vjolenza.

Intant, l-attivisti ewlenin fil-mira ta’ Beijing, f’Ġunju, kienu għenu biex imexxu elezzjoni ‘primarja’ bil-għan li jintgħażlu l-kandidati tal-Oppożizzjoni għall-elezzjonijiet leġislattivi tal-2020 għal Hong Kong — u li imbagħad spiċċaw posposti. L-Uffiċjali komunisti f’Beijing u ta’ Hong Kong, intant, qalu li dik l-elezzjoni kienet ‘attentat biex jitwaqqa l-Gvern’ tal-eks territorju awtonomu.