Internazzjonali

Covid-19: Il-Ġermanja taħt pressjoni biex tibdel il-ħsieb dwar it-tilqima tal-AstraZeneca….Il-vaċċin ta’ Johnson & Johnson approvat fl-Istati Uniti

Immunoloġista ewlieni fil-Ġermanja qed jinsisti biex pajjiżu jibdel ‘id-direzzjoni’ u jippermetti biex iċ-ċittadini Ġermaniżi ta’ ‘il fuq minn 65 sena jibdew jingħataw it-tilqima għal kontra l-Covid-19 prodotta mill-Università ta’ Oxford u l-kumpanija AstraZeneca.

Carsten Watzl, li jmexxi lis-Soċjetà Ġermaniża għall-Immunoloġija, bassar li r-regolaturi fil-Ġermanja se jkollhom ‘jaqilbu’ id-deċiżjoni oriġinali biex ma jirrakkmandawx it-tilqima speċifika għall-anzjani. Fl-istess ħin, Watzl ħeġġeġ biex il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, tidher qed tingħata t-tilqima waqt xandira diretta u bil-għan li hi ‘turi s-sigurtà tal-vaċċin inkwistjoni’.

Il-kummissjoni responsabbli mill-vaċċini fil-Ġermanja, bħalissa, qed tirrevedi mill-ġdid ir-rakkmandazzjoni oriġinali dwar it-tilqima tal-AstraZeneca.

Is-sejħa tal-Professur Watzl ingħatat prominenza wara li l-aħħar studji fl-Iskozja urew li t-tilqima tal-AstraZeneca hi effettiva għall-anzjani.

Il-Ġermanja, intant, kienet fost diversi Stati tal-UE li – sa ftit ilu – kienu qed jesprimu dubji dwar ‘il-livell tal-effiċjenza’ tal-vaċċin għall-persuni kbar fl-età.

Dan il-pajjiż, bħalissa, qed jipprova jevita tielet mewġa ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus u meta l-każi (fil-Ġermanja) għadhom f’livell allarmanti.

Ir-regolatur mediku tal-Unjoni Ewropea, f’Jannar, kien approva l-użu tal-vaċċin tal-AstraZeneca għall-persuni ta’ kull età — iżda r-regolaturi f’xi pajjiżi bħall-Ġermanja, Franza u l-Italja rakkmandaw biex it-tilqima partikulari ma tintużax għall-persuni li għandhom ‘il fuq minn 65 sena.

Il-pajjiżi bażaw l-argument fuq ‘nuqqas  ta’ data dwar l-effiċjenza tat-tilqima fir-rigward tal-anzjani’.

F’Jannar, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qal li t-tilqima tal-AstraZeneca ‘hi kważi ineffettiva’ għall-anzjani, iżda l-Gvern tar-Renju Unit u r-regolaturi mediċi Britanniċi rrifjutaw dan il-kumment bl-aktar mod kategoriku. Il-kelliema għall-AstraZeneca qalu wkoll li l-vaċċin hu effettiv ‘għan-nies ta’ kull età’.

Il-pożizzjonijiet ta’ Franza u l-Ġermanja komplew jitilfu l-kredibbiltà wara li r-riċerka ( riċenti) immexxija minn Public Health Scotland sabet li – erba’ ġimgħat wara l-ewwel tilqima – l-ammissjonijiet ta’ pazjenti fl-isptar naqsu bejn il-85 u l-94 fil-mija grazzi għat-tilqim (rispettiv) tal-Pfizer-BioNTech u l-AstraZeneca.

L-ammissjonijiet fl-isptar, intant, naqsu b’81 fil-mija fost il-persuni ta’ 80 sena u aktar wara li kienu ‘ikkombinati’ ir-riżultati taż-żewġ vaċċini.

Sadanittant, il-Professur Watzl jemmen li l-Ġermanja se tibdel dalwaqt il-pożizzjoni tagħha dwar it-tilqima tal-AstraZeneca filwaqt li tenna li ‘l-użu ta’ dan il-vaċċin hu kruċjali biex il-pajjiż jilħaq il-miri relatati mal-programmi tat-tilqim waqt l-eqqel tal-pandemija’.

Sadanittant, ir-rapporti komplew juru progress fil-ġlieda kontra l-Covid-19, bir-regolaturi fl-Istati Uniti japprovaw formalment il-vaċċin ta’ Johnson & Johnson li jippermetti għal tilqima waħda biss u li hu t-tielet vaċċin li ġie awtorizzat f’dan il-pajjiż. Il-provi sabu li dan il-vaċċin jevita l-mard serju mill-Covid-19 – madankollu hu effettiv ‘biss’ fuq livell ta’ 66 fil-mija (skont il-kalkoli ġenerali) ladarba wieħed jinkludi ‘il-każi moderati tal-virus’.

Dan il-vaċċin hu prodott mill-kumpanija Belġjana Janssen li hi impenjata biex tipprovdi lill-Istati Uniti b’100 miljun doża sal-aħħar ta’ Ġunju – bl-ewwel dożi jistgħu jibdew jingħataw lill-poplu Amerikan ‘sa ftit ġranet oħra’.

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, fisser l-iżvilupp bħala ‘aħbar eċċitanti għall-Amerikani kollha minbarra li pass inkoraġġanti ‘il quddiem għall-kontroll tal-pandemija.’ Intant, Biden, fl-istess ħin, wissa li ‘il-ġlieda (mal-coronavirus) għadha ‘il bogħod minn konklużjoni’.