Lokali

“L-elezzjoni issir meta irrid jien” – Robert Abela

Robert Abela u Cyrus Engerer isellmu lil Rosianne Cutajar

“Aħna immexxu, mhux intom. L-elezzjoni issir meta irrid jien”.

Kien b’dan il-kliem li Robert Abela fetaħ id-diskors tiegħu tal-Ħadd fir-Rabat, b’attakk wara l-ieħor fuq il-PN u fuq il-Kap tal-PN Bernard Grech. Dan fl-istess waqt li prova juża diskors ta’ “għaqda” u “interess nazzjonali”.

Fil-fatt, Abela qatta’ l-maġġorparti tad-diskors tiegħu fl-attività politika tal-Ħadd b’attakki biss fuq l-Oppożizzjoni. Mingħajr ma indirizza l-isfidi li dwarhom qed jitkellmu n-nies. Qal biss, “se noħolmu kbir”.

F’dan id-diskors, Robert Abela evita għal kollox milli jsemmi isem Chris Cardona, u l-allegazzjonijiet bla preċedent li qed jinsisti fuqhom Vince Muscat “il-Koħħu” fil-konfront tal-eks Ministru Laburista.

Meta tkellem dwar il-miri fl-ambjent, il-Prim Ministru ma preżenta ebda kalkoli jew strateġija dwar kif se jintlaħqu dawn il-miri. Il-kalkoli ta’ Robert Abela marru ħażin anke fuq fatti bażiċi, meta stqarr li l-Lejber ilu 7 snin fil-Gvern.

Fir-Rabat, Abela fl-ebda mument ma indirizza s-sitwazzjoni preżenti tal-Covid u l-pressjoni li qed ikun hemm fuq l-istaff fl-isptarijiet.

L-istess attivita’ kienet indirizzata mill-MEP Laburista Cyrus Engerer u l-avukat Chris Bonett.

Engerer uża d-diskors tiegħu biex isellem lil Rosianne Cutajar; id-deputat Laburista implikat fi stejjer xokkanti li fihom hemm imdaħħal in-negozjant Yorgen Fenech. Dwar Rosianne Cutajar, tkellem anke Robert Abela illi qal li hi iddeċidiet li twarrab temporanjament “b’mod matur”.

Dwar l-iżviluppi li seħħew fil-Qorti fl-aħħar jiem, Cyrus Engerer qal li “fiż-żmien li ġej hemm il-fiduċja li l-każ ta’ Caruana Galizia ikun solvut”.

Filwaqt li l-avukat Chris Bonett fid-diskors tiegħu semma’ t-tibdil fil-liġi tal-kera – tibdil li, jekk isir, se jkun kollu frott il-pressjoni li għamel ġimgħat ilu l-Kap tal-PN Bernard Grech.