Lokali

“Flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza” – Bernard Grech

Bernard Grech qal li matul din il-ġimgħa erġajna ġejna mfakkra fir-rabtiet bejn il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat u Robert Abela u ċ-ċrieki ta’ kriminalita’ f’pajjiżna.

L-aħbar ippubblikata minn The Times dwar allegat involviment tal-eks Ministru Chris Cardona fl-attentat ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ixxukkjat u tkompli tikkonferma kemm l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għad fadlilhom.

Bernard Grech qal li dan id-delitt ma jingħalaqx meta jiddeċiedi l-Prim Ministru imma meta toħroġ il-verità kollha.. hekk bss tista ssir ġustizzja sħiħa ma’ dawk involuti.

Robert Abela ma jistax jitkellem qisu ma kienx parti mill-Gvern Laburista tal-aħħar tmien snin. Robert Abela kien jattendi l-Kabinett meta l-Gvern immexxi mill-predeċessur tiegħu għamel minn kollox biex jgħatti u jfixkel il-kors tal-ġustizzja.

Dwar Rosianne Cutajar, Bernard Grech qal li l-verità jafha kulħadd u ħadd ma jista’ jmeriha. Rosianne Cutajar ħabbret li rriżenjat b’mod temporanju sakemm jitlesta rrapport tal-Kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika. Qalet li għamlitha b’rispett lejn il-Partit Laburista.

“Għal Robert Abela u għal Rosianne Cutajar l-ewwel jiġu l-interessi tal-Partit Laburista, u mbagħad jiġi l-interess nazzjonali.”

Bernard Grech qal li l-PN qatt ma beża’ jqum għall-okkażjoni biex anke f’dan ir rigward ikollna tassew ġustizzja biex nibqgħu nfittxu l-verità kollha.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela ftaħar kemm l-istituzzjonijiet qed jaħdmu. Lanqas laħaq spiċċa jitkellem li l-għada li pprova jirkeb fuq il-ħidma ta’ ħaddieħor, jiġi Magistrat, Joe Mifsud u jghid b’mod ċar li l-pulizija ma ħadietx l-azzjonijiet li kellha tieħu fil-ħin fil-każ tal-inċident li fih kienu
mietu żewġ persuni fl-inċident tad-double decker li kien seħħ iż-Żurrieq.

Bernard Grech qal “Kif jistgħu l-ommijiet u l-ġenituri iħossuhom b’rashom mistrieħa fuq uliedhom meta listituzzjonijiet li suppost jiddefenduna jiddefendu l-kriminalita?”

Dwar is-sitwazzjoni tal-COVID Bernard Grech qal li “Fejn tidħol is-saħħa u l-ħajja tan-nies, mhux accettabli li jkollok Gvern li ma jkunx trasparenti”

” In-nuqqas ta’ ċarezza … in-nuqqas ta’ trasparenza hija trademark tal-Gvern Laburista. Fejn tidħol is-saħħa u l-ħajja tan-nies, dan mhux aċċettabbli bl-aktar mod assolut.

Anke fl-immaniġġjar tal-pandemija, l-aħħar jiem qed juruna stampa li hija lil hinn minn dak li qed jipprova jpinġi l-Gvern.

Il-kjuwijiet twal ta’ persuni biex jieħdu l-vaccin huwa prova ta’ dan iżda juri wkoll in-nuqqas ta’ preparazzjoni biex ir-roll out isir b’mod organizzat u trasparenti

In-nies mhux tafda kull ma tisma’ u għandha raġun tistaqsi, fejn Bernard Grech elenka numru ta’ raġunijiet għal l-popolu qed jitlef il-fiduċja tiegħu filmod ta’ kif il-Gvern qed imexxi s-sitwazzjoni tal-pandemija.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern għandu l-obbligu li jserraħ ras il-poplu, għandu jagħti tama u stabbilità ekonomika, u għalhekk il-Gvern għandu jippublika l-pjan tar-roll out u jkun car pass, pass x’qed jiġri.

Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern għandu jara li l-pjan tar-roll out ikun wieħed trasparenti u ppublikat biex kulħadd iserraħ rasu li jeżisti pjan u li dan ikun segwit mingħajr ma jkun vvantaġġjat ħadd.

Bernard Grech qal li evidentement li n-numru ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 baqgħu għoljin ħafna u dan ifisser aktar strapazz enormi fuq is-sistema tas-seħħa, fuq il-frontliner u fuq kollox fuq il-pazjenti kollha.

Wara l-viżjoni li l-PN nieda ġimagħtejn ilu bi pjan tagħna għall-enerġija, il-Ministru Miriam Dalli sejħet konferenza tal-aħbarijiet ta’ malajr u ħabbret il-proposta tal-Partit Nazzjonalista sabiex dawk il-familji Maltin li skadhielhom il-kuntratt tal-panelli tax-xemx jibdew jitħallsu 10c5 minflok
7c5 – proposta li minnha se jgawdu 25,000 familja.

“Din hija prova ta’ kemm l-Oppożizzjoni hi proattiva, u l-Gvern reattiv għall-proposti tagħha. L-irġulija kienet titlob li tal-inqas tirrikonoxxi li din kienet proposta tal-Oppożizzjoni, iżda meta jkollok Gvern arroganti, ma tistenniex aħjar. Iżda ma ġara xejn, aħna l-importanti li l-poplu jibda jgawdi minn issa mill-frott tal-politika tagħna” qal Bernard Grech.

Dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995, il-bidliet żgħar imħabbra mill-Prim Ministru huma ftit ħafna u tard wisq biex iserrħu moħħ min jgħix fil-kera filwaqt li jiġu rispettati d-drittjiet tas-sidien.

Bernard Grech qal li huwa ċar li l-Gvern Laburista qed jagħżel li jibqa’ indifferenti quddiem sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin, partikolarmanet dawk anzjani, li qed jirriskjaw li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Il-Gvern Laburista qed ukoll ikompli jinjora l-karba ta’ eluf ta’ sidien li jixtiequ jgawdu l-proprjetà tagħhom kif għandhom dritt li jagħmlu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern huwa obbligat li jipprovdi akkomodazzjoni alternattiva lil min ikun jeħtieġlu u jistħoqqlu filwaqt li jiżgura li l-liġijiet ta’ pajjiżna joħolqu bilanċ ġust u dejjiemi bejn id-drittjiet tas-sidien u d-dritt ta’ kull persuna li jkollha saqaf fuq rasha. Bil-bidliet żgħar li ħabbar il-Prim Ministru, il-problema tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 ser tibqa’ teżisti u tikber fis-snin li ġejjin.

Bernard Grech qal li dan huwa Gvern li jara li hemm problema, iġalliha tikber imbagħad jiġi jipprova jagħti soluzzjoni. Il-PN se jkompli juri li huwa PN li qed jippjana u li qed jaħdem u jiltaqa’ man-nies sabiex jagħti tama aħjar għal kulħadd.

Il-Kap tal-PN qal li ż-żgħażagħ qed ikomplu jersqu lejn il-PN fejn dawn qed jaraw li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li joffri tama għal pajjiżna.

“Il-PN jiftħilkom il-bibien beraħ u jagħtikom l-opportunità li taslu fejn tridu u aħna rridukom aħjar. Irrid Malta b’saħħitha u li timxi ‘l quddiem.”

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex pajjiżna jkollu reputazzjoni tajba.

“Illkoll flimkien irridu nimxu ‘l quddiem meta pajjiżna jkun rispettat madwar id-dinja kollha. Irridu nkunu l-partit ta’ Malta u Għawdex kollha… Malta u Għawdex waħda aħjar u iktar b’saħħitha u iktar sinjura biex ilkoll ngħixu aħjar.”