Lokali

“Il-PN joffri tama għal ġejjieni aħjar” – Bernard Grech

“L-ambizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija li terġa’ titnissel tama fost iż-żgħażagħ għal ġejjieni aħjar.”

Fid-diskors tiegħu Bernard Grech qal li ż-żgħażagħ irid ikollhom tama li pajjiżna jkun rispettat minnu nnifsu iżda wkoll rispettat mill-oħrajn. It-tama ta’ pajjiż li jerġa joħloq opportunitajiet għal kulħadd, opportunitajiet fejn inti timxi bil-ħila tiegħek, mhux għax inti militanti f’xi partit, imma għax inti għandek ideat u ħiliet li lest tkompli tibni fuqhom.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista irid jerġa jnissel it-tama f’għajnejn iż-żgħażagħ għal ġejjieni aħjar… ġejjieni fejn nitgħallmu mill-żbalji tal-passat u niftħu bibieb ġodda għal paġna ġdida fil-futur. Ġejjieni fejn inkunu verament verżjoni aħjar tagħna nfusna. Fejn inmorru lil hinn mill-politika
tal-apparenzi u nidħlu fil-politika tal-verita, fejn inħabbtu l-deat u mhux il-logħob makakk tal-istrateġija politika. Ġejjieni fejn pajjiżna joffri ambjent fejn kull min huwa kapaċi jimxi l-quddiem u kull min għandu bżonn l-għajnuna nkompu ngħinuh sakemm jasal huwa wkoll.

Il-Kap tal-PN qal li quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jisma’ u jilqa’ din it-talba taż-żgħażagħ u jagħmel l-ewwel pass għal politika aktar matura.