Futbol Sport

L-ebda tibdil fil-quċċata tal-BOV Challenge League

Chris Csssar

MARSA …………………. 1
PEMBROKE A. ……….. 1

Marsa: N. Vella, P. Chircop, J. Bondin, D. Agius, A. Monticelli, M. Micallef, C. Gatt Baldacchino, D. Grima, P. Teixeira Maia, H. Shola, L. Micallef.
Pembroke A: P. Schranz, A. Marshall, K. Farrugia, D. Sant, K. Frendo, J. Ogunnupe, N. Frendo, A. Abdul, C. Zammit, J. Bajada, P.P. Sammut.

Referee: Philip Farrugia

L-ebda tibdil fil-quċċata tal-klassifika wara li l-logħba tant mistennija bejn l-ewwel tnejn fil-klassifika ntemmet fi draw, riżultat ġust iżda f’logħba komplessivament fqira f’dawk li huma azzjonijiet ta’ gowls.
Dan ir-riżultat iħalli lil Marsa fl-ewwel post bi tliet punti vantaġġ fuq Pembroke u biż-żewġ timijiet li b’dan ir-riżultat jagħmlu pass ieħor ‘l quddiem lejn il-promozzjoni.

Il-logħba ma pproduċiet xejn fl-ewwel parti tagħha bl-ewwel azzjoni denja jkun il-gowl tal-vantaġġ ta’ Marsa fid-29 minuta. Kienet azzjoni ta’ kontrattakk b’Haruna Shola jqassam lejn Teixeira Maia li evita l-ħarġa ta’ Schranz u minn qagħda kważi mpossibbli sab ix-xibka.
Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima azzjoni ta’ Shola fuq ix-xellug u xutt li kien salvat minn Schranz. Fit-53 minuta kuntrast bejn Ogunnupe u Chircop, bid-difensur ta’ Marsa jiġbed lil Ogunnupe u bir-referee jordna l-penalty, bl-istess Ogunnupe jiskorja mill-11-il metru.

Il-logħba setgħet issa infetħet għal kull riżultat iżda minkejja dan iż-żewġ naħat baqgħu ferm attenti u dehru it-tnejn kuntenti bir-riżultat ta’ draw. Lejn it-tmiem kienu iktar Marsa li fittxew il-gowl rebbieħ iżda l-goalkeeper ta’ Pembrok Schranz ftit kellu x’jagħmel.

MQABBA ………………….. 0
VITTORIOSA S. ………… 0

Mqabba: M. Buhagiar, N. Falzon, D. Pace, R. Cauchi, K. Cutajar, R. Spiteri, K. Borg, S. Pisani, D. Micallef, B. Sciberras, G. Micallef.
Vittoriosa S: R. Marmara, I. Abela, I. Curmi, L. De Melo, J. Farrugia, A. Cilia Mumford, K. Pace, A. Galea, G. Zammit, A. Oularbi, R. Sgaria Farias.

Referee: Sandro Spiteri

Dro ta’ mingħajr gowls f’waħda mill-iktar jekk mhux l-iktar logħba fqira li kellna f’dan l-istaġun. Iż-żewġ naħat f’qagħda kważi ddisprata fin-naħa t’isfel tal-klassifika riedu s-suċċess minn dan il-konfront għaliex it-tliet punti biss setgħu jgħinu l-kawża tagħhom, iżda dawn ikkonfermaw il-problemi kbar li għaddejjin minnhom fejn se jkun diffiċli li jżommu posthom, iktar u iktar bi prestazzjonijiet bħal dawn.

L-ewwel taqsima kkonfermat id-diffikulta li għandhom dawn iż-żewġ timijiet fejn il-livell ta’ logħob muri kien wieħed patetiku, b’ħafna logħob konfuż f’nofs il-grawnd u mingħajr l-ebda tentattiv għal-lasta.
L-andament ftit li xwejn inbidel fit-tieni taqsima biż-żewġ naħat juru nuqqasijiet kbar f’dik li hi kostruzzjoni tal-azzjoni. Fid-69 minuta kien hemm l-uniku veru opportunita’ tul il-logħba kollha, opportunita’ li waqgħet f’saqajn il-plejer ta’ Mqabba Neil Falzon li minn qagħda dubjuża ta’ offside għamel l-impossibli u xeħet il-ballun għoli.

Fir-raba’ minuta ta’ ħin miżjud ċans ieħor għal Mqabba li rebħu freekick eżatt f’tarf il-kaxxa u minn pożizzjoni ċentrali, iżda x-xutt ta’ Castano ħabat mad-difensuri ta’ Vittoriosa biex il-logħba ntemmet mingħajr ebda gowl.

Ilbieraħ; Swieqi v San Ġwann 3-3, Qormi v St.Andrews 0-3, Illum; Marsa v Pembroke 1-1, Fgura v Qrendi 1-2, Mqabba v Vittoriosa 0-0, M’xlokk v St.George’s posp., Pieta v Żebbuġ 0-1