Coronavirus Lokali Saħħa

L-R-Factor f’pajjiżna jaqbeż il-1.21

In-numri allarmanti tal-COVID-19 li qed jirreġistra pajjiżna wassal biex l-R-Factor issa jaqbeż il-1.21. Dan ikkonfermaħ ir-riċerkatur Vince Marmara wara li pajjiżna kellu l-agħar ġimgħa tal-pandemija f’termini ta’ każi ġodda.

6.5% tat-testijiet amministrati ħarġu b’riżultat pożittiv. Żieda sinifikanti mill-5.3% li rriżultaw pożittivi matul il-ġimgħa ta’ qabel.

Din l-istatistika tasal fi tmiem il-51 ġimgħa tal-Coronavirus f’Malta u f’Għawdex u għalhekk l-R-Factor issa jista’ jkun li jkompli jitla’ meta fl-ewwel jumejn tat-52 ġimgħa tal-virus, diġa rajna 500 każ ġdid.

Dan filwaqt li fl-aħħar tliet ijiem, il-każi ġodda ta’ COVID-19 dejjem ammontaw għal aktar minn 200, numri li qatt ma rajna b’mod kostanti għal jum wara l-ieħor.

Vincent Marmara, f’intervista ma’ The Malta Independent on Sunday qal li l-R-Factor tela’ wara l-ġimgħa rekord ta’ każi ġodda, li fiha rajna kważi 1,500 persuna tieħu l-virus.

Sa mill-bidu tal-pandemija l-għan ewlieni għall-pajjiżi kollha madwar id-dinja kien li l-R-Factor jinżel taħt il-wieħed – li jfisser li persuna waħda tittrasmetti l-virus lil persuna oħra. Sfortunamtament pajjiżna, issa qed isibha diffiċli ħafna li jinżel taħt dan in-numru tant importanti biex is-sitwazzjoni tkun waħda iktar stabbli.

Intant, Marmara qal li madwar 5% tal-popolazzjoni issa rċevew iż-żewġ dożi tal-vaċċin, filwaqt li 10% irċivew doża waħda.

Riżultat ta’ dan kollu l-R-Factor f’Malta issa tela’ għal 1.21 minn 0.9 li kien ilu għall-aħħar ġimgħatejn.

Huwa kkumpara n-numri f’Malta ma’ dawk ta’ pajjiżi oħrajn fejn saħaq li internazzjonalment kien hemm żidiet żgħar f’każijiet fl-Italja, u l-Ġermanja, filwaqt li kien hemm tnaqqis f’każijiet fir-Renju Unit.

Marmara temm jgħid li “ma rritornajniex għal sens ta’ normalità. Il-każijiet għadhom għoljin, u rridu noqogħdu attenti u nkomplu naġixxu b’mod responsabbli ”