Futbol Sport

Man Utd miżmuma minn Chelsea….Arsenal jiddominaw lil Leicester

(Ritratt: EPA)

Manchester United ma rnexxilhomx joħorġu bit-tliet punti minn Stamford Bridge minkejja li ddominaw lil Chelsea għal ħinijiet kbar, mingħajr ma jkunu inċiżivi quddiem il-lasta ta’ Edouard Mendy. Filwaqt li r-Red Devils kellhom ħafna aktar pussess u azzjonijiet, Marcus Rashford u Bruno Fernandes dehru neqsin mill-forma u fl-aħħarnett id-difiżi rispettivi rnexxielhom jikkontrollaw kull attakk għal riżultat finali ta’ 0-0.

Intant, mill-ġdid inqalgħet kontroversja oħra bis-sistema tal-video-assisted referee, jew VAR — bl-inċident diskutibbli iseħħ fl-ewwel taqsima meta Callum Hudson Odoi deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa u bir-referi, Stuart Attwell, jinjora l-appelli tal-plejers ta’ United għal penalty. Attwell fl-ebda ħin ma deher dispost li jibdel id-deċiżjoni oriġinali u minkejja l-evalwazzjoni sussegwenti tal-azzjoni fuq il-pitchside monitor.

L-aktar azzjoni perikoluża ta’ Chelsea waslet minn Ziyech, b’David de Gea iwettaq save tajjeb fuq l-attakkant – waqt li United marru viċin minn Fred u Scott McTominay. Fl-aħħar ħinijiet, ħarba veloċi mill-plejers ta’ United għal ftit ma wasslitx għall-gowl deċiżiv iżda d-difensur, Christensen, irnexxielu jtajjar fil-ħin minkejja li ssikkat mill-avversarji.

Crystal Palace u Fulham spiċċaw fi dro mingħajr gowls f’Selhurst Park iżda l-Cottagers jistgħu jħossuhom diżappuntati bil-punt uniku mill-konfront wara li ddominaw lill-avversarji u kellhom ħafna aktar opportunitajiet biex jiżblukkaw ir-riżultat. Rebħa għal Fulham, li qed jissieltu biex iżommu posthom fil-Premier League, kienet tkun ferm importanti għaliex biha, huma kienu jnaqqsu d-distakk ma’ Newcastle United u Brighton and Hove Albion għal punt wieħed biss.

L-aħjar ċansijiet għal Fulham waslu minn freekick ta’ Maja li għadda viċin il-lasta, bil-gowlkiper ta’ Palace, Guaita, isalva header tal-istess Maja fuq il-cross ta’ Ivan Cavaleiro. Palace insistew fuq id-difiża u l-Cottagers ħlew aktar okkażjonijiet tajbin minn Andersen u Loftus-Cheek  (l-aħjar plejer tal-logħba)– bil-gowl importanti ma jasalx.

Arsenal taw waħda mill-aħjar wirjiet tal-istaġun barra minn darhom u kien jimmeritahom ir-rebħa konvinċenti fuq Leicester City (3-1) fil-King Power Stadium. Il-Gunners kellhom bidu ħażin u sabu ruħhom minn taħt wara biss sitt minuti, meta Yuri TIELEMANS li avanza waħdu u venven xutt baxx fir-rokna tax-xibka. Intant, minn dak il-ħin Arsenal ħadu r-riedni u David LUIZ (39) kiseb id-dro bir-ras qabel Alexandre LACAZETTE (45)  qaleb ir-riżultat bit-tieni gowl, skurjat minn penalty, għall-handsball fil-kaxxa ta’ Wilfred Ndidi .

Fit-tieni taqsima Arsenal ma ħarsux lura u aċċertaw mill-punti bit-tielet gowl meta PEPE (52) ma żbaljax meta spiċċa wiċċ-imb-wiċċ mal-gowlkiper Schmeichel.

Tottenham Hotspur pattew xi ftit għall-aħħar riżultati deludenti b’rebħa kbira, 4-0, fuq Burnley f’The New White Hart Lane. Spurs, li kienu tilfu ħamsa mill-aħħar sitt konfronti fil-kampjonat, marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti meta Gareth BALE ikkonverta l-cross fil-baxx ta’ Son Heung-min. Bale, imbagħad, spiċċa bħala ‘provider’ bil-ballun meqjus tiegħu isib lil Harry KANE (15) li ma żbaljax għat-2-0, b’Lucas MOURA (31) jagħmilhom tlieta fuq is-suġġeriment ta’ Reguilon.

Il-logħba minn dak il-ħin, kienet prattikament mitmuma, iżda Tottenham xorta waħda kisbu gowl ieħor – u meta fit-tieni taqsima, Bale (55) reġa’ kien il-protagonista, b’xutt bid-dawwra għall-angolu, għar-rebħa enfatika.

Liverpool kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 barra minn darhom għand Sheffield Utd. Il-gowls waslu permezz ta’ CURTIS JONES u auto gowl ta’ KEAN BRYAN. B’hekk Liverpool irritonrnaw għar-rebħ fil-Premier League wara serje ta’ riżultati negattivi li ħallithom fis-sitt pożizzjoni bi 43 punt.

Ilbieraħ; Man City v West Ham 2-1, West Brom v Brighton 1-0, Leeds v Aston Villa 0-1, Newcastle v Wolves 1-1 Illum; Crystal Palace v Fulham 0-0
Leicester v Arsenal 1-3, Tottenham v Burnley 4-0, Chelsea v Man Utd 0-0, Sheff Utd v Liverpool 0-2 Għada; Everton v Southampton 9.00pm