Futbol Sport

Milan iżommu l-pass ma’ Inter b’rebħa fuq Roma

(Ritratt: EPA)

Milan kisbu rebħa importanti barra minn darhom għand Roma bl-iskor ta’ 2-1. Bilanċ assolut fl-ewwel taqsima tant li meta kollox deher li ser tintemm bla gowls, fit-43 minuta, Milan marru fil-vantagg. Foul ta’ Federico Fazio fuq Davide Calabria, ir-referee Marco Guida, kkonsulta l-VAR , saffar penalty għal Milan. Taħ FRANCK KESSIE li għeleb lil Pau Lopez. Fil-50 minuta, Roma meritatament għamlu l-iskor 1 – 1. Minn pass ta’ Leonardo Spinazzola kien JORDAN VEREGTOUT li għeleb lil Donnarumma. Immedjata r-reazzjoni ta’ Milan li tmien minuti wara marru fil-vantaġġ. Azzjoni ta’ Alexis Saelemaekers lejn ANTE REBIC li għeleb lil Lopez għat-2 – 1 għal dak li kellu jkun gowl deċiżiv.

Inter kisbu rebħa importanti f’darhom kontra Genoa bl-iskor ta’ 3-0 biex b’hekk żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika tas-Serie A. Inter fetħu l-iskor fl-ewwel minuta meta kien Lautaro MARTINEZ li sab lil ROMELU LUKAKU li skorja għal 1-0. Fid-69 minuta reġa’ kien Romelu Lukaku li din id-darbu qassam lejn MATTEO DARMIAN li skorja it-tieni gowl għall-Inter. In-nerazzuri għalqu l-partita fid-79 minuta permezz tal-attakant Chilen ALEXIS SANCHEZ li kkonluda ġewwa għal skor finali ta’ 3-0.

Wara serje ta’ riżultati negattivi, Napoli rritornaw għar-rebħ b’mod li issa jinsabu fis-sitt post fil-klassifika fi 43 punt daqs Lazio. Benevento baqgħu fis-16 il-post b’25 punt daqs Spezia u Fiorentina. Minkejja dominju assolut matul l-ewwel taqsima, kien biss fl-34 minuta li Napoli fetħu l-iskor.Wara li Alessando Tuia kklerja ħażin fuq azzjoni ta’ Faouzi Ghoulam, kien DRIES MERTENS li għeleb lil Lorenzo Montipo. Riżultat li biħ intemmet wkoll l-ewwel taqsima. L-andament fit-tieni 45 minuta baqa’ l-istess b’Napoli jirduppaw fis-66 minuta permezz ta’ GIOVANNI DI LORENZO bil-gowl ikkonvalidat bil-VAR mir-referee Rosario Abisso. Fil-81 minuta tkeċċa għal Napoli Kalidou Koulibaly wara li kien ammonit darbtejn fil-59 u fil-81 minuta.

Ilbieraħ; Spezia v Parma 2-2, Bologna v Lazio 2-0, H.Verona v Juventus 1-1 Illum; Sampdoria v Atalanta 0-2, Crotone v Cagliari 0-2, Inter v Genoa 3-0, Udinese v Fiorentina 1-0, Napoli v Benevento 2-0, Roma v Milan 1-2