Lokali Qorti

Koppja Ġermaniża u Franċiż jammettu li wettqu testijiet foloz tal-COVID-19

Tliet persuni oħra, koppja Ġermaniża u Franċiż ġew immultati €800 kull wieħed wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li kellhom fil-pusses tagħhom testijiet foloz tal-COVID-19. It-tlieta nqabdu li kkommettew dan ir-reat fl-ajruprt internazzjonali ta’ Malta l-Ħadd filgħodu.

Sayn Gullayme Jules Pierre minn Tounas ta’ 24 sena u l-koppja Nuder Man u Gallis Geb Miklina, t-tnejn ta’ 53 sena ammettew li għall-ħabta tad-9.00am inqabdu b’dan it-test falz fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.

Iż-żagħżugħ Franċiż qal li għamel it-test tal-Gvern wara li dan ġie mitlub lilu mill-linja tal-ajru Turkish Airlines biex jippreżentah. Pierre qal li ċ-ċertifikat tal-Gvern dam ma ħareġ u kien għalhekk li huwa għamel dan it-test falz, biex ifittex iħalli Malta.

Minn naħa tal-koppja, mwielda Moska, iżda residenti Dusseldorf qalu li saru jaf tard wisq biex jagħmlu t-test tal-COVID-19 u li huma riedu jħallu Malta u ma kienx baqa’ ħin. Għall-akkużatin deheret l-Avukat Charmaine Cherrett filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Frankie Sammut.

Il-bieraħ is-Sibt, plejer tal-futbol Brażiljan ibbażat f’Malta ammetta li uża riżultat falz tat-test tal-COVID-19 biex jitlaq minn Malta. Carlos Vilmar Da Silva Rodrigues tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella akkużat mill-Ispettur Silvio Magro li għamel dikjarazzjoni falza lil awtorità pubblika u ffalsifika dokumenti.

Il-plejer qal li ġie Malta biex jilgħab ma’ Senglea Athletic u allega li pprova jitlaq minn Malta wara li sar jaf li l-klabb ma kellux flus biex iħallsu, l-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti.

L-avukat tiegħu, Charmaine Cherrett, spjegat lill-Qorti li huwa ssottometta ruħu għal test COVID-19 fit-23 ta’ Frar, iżda wara li stenna tliet ijiem biex jingħata r-riżultat tat-test tiegħu, huwa kien iddeċieda li juża test falz biex jitlaq minn Malta. Rodrigues wieġeb ħati tal-akkużi u ngħata sentenza ta’ sena ħabs, sospiżi għal erba’ snin. L-Ispettur Silvio Magro mexxa l-Prosekuzzjoni.