Internazzjonali

Myanmar: Mejtin u midruba fl-aktar jum qattiel mill-bidu tal-kolp ta’ stat

Il-pajjiż kollu jinsab maħkum mit-tensjoni wara l-aktar jum vjolenti – u qattiel – mindu l-Armata ħatfet il-kontroll ta’ Myanmar bl-iskuża li ‘sar it-tbagħbis’ fl-elezzjonijiet nazzjonali tas-sena l-oħra li kienu taw rebħa kbira lill-kandidati demokratiċi.

Intant, il-pulizija tal-Ġunta, fl-aħħar sigħat, fetħet in-nar fuq id-dimostranti li qed jinsistu biex l-amministrazzjoni ta’ pajjiżhom tingħata lura lill-mexxejja ċivili — u bir-riżultat li nqatlu għaxra, b’ħafna oħrajn jisfaw midruba.

L-imwiet kienu rappurtati fl-ibliet ta’ Yangon, Dawei u Mandalay fejn il-pulizija sparaw l-armi, minbarra balal tal-gomma u gass għal fuq il-folol.

Il-vjolenza ġdida kienet il-karatteristika ewlenija ta’ tmiem il-ġimgħa wara l-aħħar ġimgħat ta’ protesti relattivament paċifiċi kontra l-kolp ta’ stat tal-1 ta’ Frar. Intant, Aung San Suu Kyi, il-mexxejja li kienet eletta b’mod demokratiku u li hi s-simbolu tad-demokrazija fi Myanmar, għadha qed tinżamm taħt arrest fir-residenza tagħha – l-istess bħal diversi membri tal-Gvern preċedenti.

L-aħħar filmati minn Myanmar urew lill-pulizija qegħdin jiġru wara dimostranti fost l-arresti tan-nies li dehru koperti bid-demm wara sensiela ta’ inċidenti vjolenti.

Fil-fatt, il-pulizija, fl-aħħar sigħat, dejru li kienu qed iżidu d-doża tal-vjolenza fl-ibliet, fost indikazzjonijiet li l-Ġenerali tal-Armata ( il-protagonisti wara l-kolp ta’ stat) qed jagħmlu minn kollox biex itemmu l-kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili minn diversi setturi fis-soċjetà u meta l-isfida ‘min-naħa tal-poplu’ ma tidhirx li qed tbatti.