Lokali

Persuni viċin ħafna ta’ Justyne Caruana urtati għal Robert Abela

Lil Caruana neħħieha minn Ministru imma baqa’ jiddefendi lil Rosianne Cutajar

Wara li l-Ħadd li għadda il-mument neħħiet it-tapit minn taħt riġlejn il-Prim Ministru Robert Abela u żvelat il-laqgħa b’urġenza li kellha ssir it-Tnejn li għadda – u li fil-fatt saret bl-istess Prim Ministru sorpriż kif kienet żvelata l-aħbar – illum  il-mument se tiżvela kif Membri fil-Grupp Parlamentari Laburisti huma diżgustati josservaw lil Robert Abela jtajjar lil Justyne Caruana minn Ministru meta ħarġet l-istorja tal-eks żewġha, iżda fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar qed jimxi b’kejl differenti tant li kienet Rosianne Cutajar li nhar il-Ħamis issottomettiet b’mod temporanju r-riżenja tagħha sakemm jitnaddaf isimha, u hu baqa’ m’għamel assolutament xejn.

Sorsi infurmati fil-Partit Laburista li nhar il-Ħamis filgħaxija tkellmu ma’ il-mument qalulna li wħud mill-Membri fil-Grupp Parlamentari Laburista jitkellmu bejniethom u jistaqsu għaliex Robert Abela ma ħa l-ebda passi fid-dawl tar-rapporti żvelati fil-media dwar ir-relazzjoni li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kellha mal-imprenditur u negozjant Yorgen Fenech li hu wkoll is-sid tal-kumpanija misterjuża ‘17Black’. Jistaqsu wkoll għaliex Robert Abela baqa’ jistenna lil Rosianne Cutajar tagħmel l-ewwel pass hi.

Is-sorsi ta’ il-mument żvelaw magħna li wara l-laqgħa ta’ bejn Robert Abela u Rosianne Cutajar nhar l-Erbgħa li għadda jidher li kien hemm qbil bejn il-partijiet li l-Prim Ministru jibqa’ jiddefendi lis-Segretarju Parlamentari u li tkun hi li tagħmel l-ewwel pass billi b’mod temporanju: “…iddeċidejt li noffri r-riżenja tiegħi minn Segretarju Parlamentari pendenti l-eżitu tal-proċess. F’dan iż-żmien li ġej se nkun qed niddefendi ismi bl-iktar mod konvint u onest.”

Robert Abela naqas milli jkeċċiha mill-Kabinett

Is-sorsi ta’ il-mument qalulna li ma kellha tkun qatt Rosianne Cutajar li toffri r-riżenja tagħha, iżda kellu jkun Robert Abela, bħala Prim Ministru, li jkeċċiha mill-Kabinett tal-Ministri u anki mill-Grupp Parlamentari wara dak kollu żvelat dwarha.

Qalulna li bejniethom ċerti Deputati Laburisti jipprovaw janalizzaw u jifhmu s-sitwazzjoni iżda t-tweġiba ma hix faċli li jsibuha, aktar u aktar hekk kif jidher ċar li Robert Abela qed juża kejl differenti fil-konfront tal-Membri Parlamentari tiegħu.

Lil Justyne Caruana f’Jannar tas-sena l-oħra kien minnufih tajjarha minn Ministru għal Għawdex hekk kif bdew ħerġin rapporti li kienu jiżvelaw rabtiet bejn l-eks żewġha Silvio Valletta bħala Deputat Kummissarju tal-Pulizija ma’ Yorgen Fenech, fejn anki kienu siefru flimkien biex jaraw partita futbol.

Dakinhar Robert Abela, anki jekk Justyne Caruana kienet għadha kemm inħatret Ministru, ma kienx iddejjaq jibgħat għaliha u jgħidilha “daqshekk” u din spiċċat sempliċi back bencher.

Issa stejjer aktar gravi fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar hekk kif qed ikunu żvelati sensiela ta’ allegati rabtiet bejnha u bejn Yorgen Fenech.

Fost l-istejjer pubblikati s’issa kien hemm dik ta’ ftit ġimgħat ilu meta kien żvelat li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kienet ħadet f’€46,500 fi ħlasijiet għal konvenju li kien sar dwar bejgħ ta’ proprjetà fl-Imdina u liema ħlasijiet kienet ħadithom mhux meta kien sar il-kuntratt finali, iżda waqt l-iffirmar tal-konvenju.

Dwar dak il-każ kien żvelat ukoll li Rosianne Cutajar kienet ħadet €46,500 fi flus kontanti, u mbagħad ma ddikjarathomx lill-Kabinett. Dawn il-flus hi kienet ħadithom bħala senserija tas-servizzi tagħha bħala sensar.

Persuna viċin tagħha, Charlie Farrugia ‘it-Tikka’, ukoll  kien imsemmi fir-rapporti li żvelaw din l-istorja.

Ir-rapporti li kienu żvelaw din l-aħbar kienu jgħidu li Yorgen Fenech kien iffirma konvenju dwar proprjetà u kien ħallas depożitu ta’ €300,000.

Ta’ min ifakkar kif Rosianne Cutajar kienet issieħbet mal-ħabib tagħha Charles Farrugia biex jinnegozjaw il-ftehim dwar il-proprjetà fl-Imdina għall-prezz ta’ €3.1 miljun bejn Yorgen Fenech u l-bejjiegħ tal-proprjetà Joseph Camilleri.

Il-ftehim kien iffirmat f’Mejju tal-2019, meta Yorgen Fenech kien diġà magħruf bħala s-sid tal-kumpanija ‘17Black’, iżda l-ftehim kellu jiġġedded numru ta’ drabi għaliex Yorgen Fenech kellu bżonn iżjed ħin biex jikseb il-flus. Il-ftehim eventwalment spiċċa fix-xejn meta Yorgen Fenech kien arrestat u bir-raġun kollu li s-sid tal-proprjetà inkwistjoni beda jfittex li jingħata l-flus lura li kien ħareġ waqt l-iffirmar tal-konvenju la darba l-ftehim tal-bejgħ ta’ din il-proprjetà fl-Imdina kien waqa’.

Rosianne Cutajar repetutament daharha mal-ħajt

Dwar dawk ir-rapporti Rosianne Cutajar kienet irreaġixxiet fuq il-media soċjali u qalet li hi m’għandhix x’taqsam ma’ din l-allegata talba għall-flus lura u żiedet li jekk hemm min qed jitlob xi ħaġa lura, dan għandu jagħmel din it-talba lil min hu konċernat.

Rosianne Cutajar, li qatt ma ċaħdet ir-rapporti tagħha ma’ Yorgen Fenech, kienet ippubblikat ukoll ittra legali li kienet bagħtet lil min allegatament għamel it-talba, li “tagħmilha ċara” li m’għandix x’taqsam.

F’dik l-ittra Rosianne Cutajar kienet qalet li kienet qed tirrispondi għal ittra legali mibgħuta minn Joe Camilleri. L-ittra tispjega li l-klijent, Joe Camilleri, għandu jiddiretta li qed jippretendi lil terzi oħra, jekk dejjem għandu raġun.

Lil hinn minn dan il-każ, tajjeb li wieħed ifakkar kif f’Ġunju tal-2019, Rosianne Cutajar – allura meta kienet rappreżentant tal-Parlament Malti fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa – hi kienet oġġezzjonat għal riżoluzzjoni tal-Assemblea li semmiet il-kumpanija ‘17 Black’ ta’ Yorgen Fenech. Il-kumpanija ‘17Black’ dakinhar kienet issemmiet fil-kuntest tal-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.

Interessanti li dakinhar Rosianne Cutajar kienet għamlet diskors – l-uniku wieħed li hi qatt għamlet fil-perjodu li kienet tokkupa din il-kariga importanti – li kien proprju diskors li sar ftit tal-jiem biss qabel ma Yorgen Fenech kien għaddielha l-flus bħala s-sensara fix-xiri tal-proprjetà.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li min irid jifhem, jista’ jifhem, iżda bla dubju ta’ xejn li dan kollu hu inaċċettabbli u Robert Abela messu li ilu li tħarrek u ħa l-passi mistennija minnu fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.

Rosianne Cutajar, allura f’Ottubru tas-sena l-oħra, ma kenitx iddejqet li tivvota biex ma ssirx inkjesta dwar il-proġett tal-Power Station tal-ElectroGas. Dan mingħajr ma kellu l-ebda deċenza li tiddikjara li hi kellha kunflitt ta’ interess minħabba r-relazzjoni tagħha man-negozjant Yorgen Fenech li hu wieħed mill-impendituri li oriġinarjament kienu stabbilew il-kumpanija u li fil-fatt kien jokkupa wkoll il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv.

Dakinhar Rosianne Cutajar kienet użat il-vot Parlamentari tagħha biex tinħeba l-verità dwar x’għamel Yorgen Fenech.

Sfaċċatament dakinhar Rosianne Cutajar flok kienet qed tiddefendi l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi, kienet qed tiddefendi l-interessi ta’ Yorgen Fenech.

Is-sorsi ta’ il-mument fakkru kif f’Diċembru li għadda Robert Abela kien iddefenda lil Rosianne Cutajar u kien qal li dak il-każ kien seħħ meta hi ma kenitx Segretarju Parlamentari.

L-istess sorsi temmew li filwaqt li Robert Abela ma ddejjaqx itajjar mill-karigi rispettivi tagħhom lill-Eks Ministru Joe Mizzi li kien ilu snin jimmilita fil-Partit Laburista, u lis-Segretarji Parlamentari Silvio Parnis u lil Anthony Agius Decelis li safejn hu magħruf ma humiex imċappsa mal-każ ‘Yorgen Fenech’, issa qed joqgħod lura milli jieħu l-passi li għandu jieħu fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.

Sadattant fil-konfront tar-riżenja ta’ Rosianne Cutajar, l-opinjoni pubblika qed tkompli tikber u l-pressjoni fuq Robert Abela mhix biss waħda interna minn fost il-Grupp Parlamentari tiegħu, imma wkoll hi waħda fuq livell ta’ pajjiż. Il-pressjoni hi li l-Prim Ministru mhux jistenna l-eżitu tal-istħarriġ dwar il-korrettezza ta’ Rosianne Cutajar, iżda jieħu l-inizjattiva u jkeċċiha. Għaliex daqstant huma serji dawn l-allegazzjonijiet dwarha dwar ir-relazzjoni li kellha ma’  Yorgen Fenech.

Bernard Grech kellu raġun fl-analiżi tiegħu

Fil-ġimgħat li għaddew Bernard Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni, kemm-il darba tkellem dwar dan l-iskandlu u kien ċar li Rosianne Cutajar għandha tirriżenja jew titkeċċa.

Bernard Grech, f’diskorsi ripetuti li għamel dwar dan l-iskandlu, saħaq li dawn l-allegazzjonijiet għadhom mhux miċħudha minn Rosianne Cutajar u enfasizza li l-kwistjoni tibqa’ l-impunità tal-Gvern Labursita li l-membri tiegħu “jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu u jidħlu f’negozju u relazzjonijiet mill-qrib ma’ persuni li huma implikati f’allegazzjonijiet serji.  Dan meta fi żmien meta saru dawn it-trattati dwar il-proprjetà inkwistjoni, diġà kien magħruf  li Yorgen Fenech kien sid il-kumpanija ‘17Black’.

Bernard Grech dejjem wissa li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ ċass quddiem dan kollu u għandu jibgħat għal Rosianne Cutajar, jara l-pożizzjoni tagħha u jitlobha terfa’ r-responsabbiltà politika u twarrab jew iwarrabha.

Bernard Grech dwar dan il-każ jistaqsi dwar x’qed iżomm lill-Prim Ministru milli jieħu l-passi meħtieġa u mistennija minnu. Bir-raġun li jistaqsi għalfejn Robert Abela jidher li għandu jdejh daqstant marbuta u ma jistax jieħu azzjoni.

“Illum nafu li fil-Partit Laburista hemm persuni li jafu ħafna fuq xulxin u wieħed jibża’ jieħu azzjoni fil-konfront tal-ieħor. Dawn magħqudin biex jaħbu lil xulxin.”

Saħansitra nhar il-Ħamis li għadda stess Bernard Grech kien ċar fil-messaġġ tiegħu u nsista li din hi wirja li Robert Abela falla test ieħor għax ma kellux kuraġġ jaġixxi mill-ewwel u  għal darb’oħra qed ikuin reattiv għall-Partit Nazzjonalista u għas-Soċjetà Ċivili.