Lokali

Rapporti jikkonfermaw li Rosianne Cutajar ingħatat rigal ta’ €9,000 cash mingħand Yorgen Fenech

Dettalji ġodda dwar skambji bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech

“Naf kemm għamilt għalija… €9,000 ħafna… rigal żgħir tal-birthday kien ikun iktar minn biżżejjed.” – Hekk qalet Rosianne Cutajar lil Yorgen Fenech meta permezz ta’ messaġġ infurmaha li f’mazz cash, ħallielha 9,000 żejda biex iżżommom għaliha.

Dan u aktar, kien rappurtat fil-gazzetta The Sunday Times of Malta fejn komplew joħorġu aktar dettalji dwar skambji bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Dawn il-messaġġi qed ikomplu jitfgħu aktar dawl fuq ir-relazzjoni ta’ Cutajar u Fenech kif ukoll fuq l-irwol tad-Deputat Laburista fis-senserija tal-propjetà fl-Imdina.

Minkejja li Cutajar u l-ħabib tagħha Charles Farrugia ‘it-Tikka’ qed jibqgħu jippruvaw jaħarbu mill-involviment tagħhom f’dan id-deal, l-aħħar rapporti jgħidu li Rosianne Cutajar ingħatat somma ta’ flus kontanti mingħand Yorgen Fenech ftit wara li kien mar il-bank biex jassigura self għall-ftehim tal-proprjetà f’Awwissu tal-2019.

Wara li l-koppja ltaqgħu, Fenech bagħat messaġġ lil Cutajar biex jinfurmaha li kien hemm €9,000 żejda fil-munzell ta’ cash li taha. Dan apparti l-€31,000 tas-senserija.

“Imnalla qed tgħidli għax kont se nibqa’ sejra intih il-flus imma qalli li mhux qiegħed id-dar.” qalet Cutajar meta jidher li bdiet tindika li kienet sejra tħallas lil Farrugia bil-flus li taha Yorgen Fenech. F’messaġġ li segwa, Fenech spjega li beda jistħi jgħidilha li tefa’ €9,000 cash żejda għaliha.

Cutajar kompliet tgħid li ma kienx hemm bżonn tal-flus żejda. “Naf kemm għamilt għalija, €9,000 ħafna, rigal żgħir tal-birthday kien ikun iktar minn biżżejjed.”

Fl-aħħar jiem, wara ġranet sħaħ ta’ kontroversja, Rosianne Cutajar irriżenjat b’mod temporanju mill-pożizzjoni tagħha fil-Kabinett ta’ Robert Abela. Dan sakemm titlesta l-investigazzjoni tal-Kummissarju George Hyzler.