Lokali

Salvawh ta’ ftit xhur… issa jrid li hu wkoll jilħaq tabib

Daqs sitt snin ilu, ħadd ma kien joħlom li Ben se jkun qed jiġri u jilgħab il-futbol bħal kull tifel u tifla oħra hekk kif ftit ġranet wara li twieled, it-tobba avżaw lil ġenituri li t-tifel għandu toqba f’qalbu li kienet tfisser ħajja jew mewt.

Kienet vista ta’ rutina biex jingħata vaċċin meta infermiera li kienet qed tinvista lit-tarbija, innotat li l-affarijiet ma jidhru xejn sbieh. Kien minn hemmhekk li t-tifel ġie riferut għand professur fejn avża lil ġenituri li l-qalb kienet qed tħabbat b’mod irregolari.

Net News tkellem ma’ omm Ben, Ylenia fejn spjegatilna iktar dwar dak li għaddew minnu.

“Konna mmorru għal vista kull xahar jew saħansitra kull ġimgħa biex joħdulu l-ossiġnu fejn dejjem kien ikun bejn 90 u 100,” qalet Ylenia. “It-tabib kien jgħidilna li suppost l-ossiġnu jkun fuq livell ta’ 30 iżda fortunatament it-tifel kien qed jieħu n-nifs tajjeb tant li t-tabib qalilna li l-operazzjoni meħtieġa mhix se ssir fl-ewwel xhur mit-twelid biex jgħatuh ċans jeħxien ftit. Wara xhur ta’ visti, fi Frar konna tlajna l-isptar Great Ormond Street, Londra fejn ġiet operat fis-6 ta’ Frar.”

L-operazzjoni ħadet iktar minn erba’ sigħat fuq tifel li kellu biss tmien xhur… erba’ sigħat ta’ qtigħ il-qalb fejn wara l-qraba kellhom jistennew erbat ijiem sħaħ biswit it-tifel mimli apparat mediku sakemm qam mill-operazzjoni.

“Minn dejjem kienet ix-xewqa tagħna li ninvolvu lit-tifel fl-isports jiġifieri ferħanin ħafna li kollox mar b’wiċċ il-ġid,” qalet Ylenia. “Ovjament, ġieli lanqas nemnu minn xiex għadda għaliex kiber ħafna u qed jiġri qisu mhux hu! Għal grazzja t’Alla, għadda minn dan kollu iżda qisu raġel żgħir għalina.”

Iżda minn dan iż-żmien xejn sabih, ma jistax jonqos li ħarġet xi ħaġa sabiha hekk kif saqsejna lil Ben x’jixtieq isir la jikber.

“Tabib biex nopera lin-nies u nagħti kashom,” qal b’determinazzjoni Ben.

Minkejja li Ben għad għandu biss sitt snin, xorta waħda japprezza dak kollu li għamlu miegħu l-ġenituri tiegħu!

“Inħobb ħafna lill-mama u l-papa għax jgħalmuni, ikelmuni, jilgħabu miegħi u jieħdu pjaċir miegħi,” qal Ben bla tlaqlih.

Omm Ben tgħaddi messaġġ lil dawk kollha li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli bħalma għaddew huma.

“M’għandikx taqta’ qalbek,” qalet Ylenia. “Jien kont ferm iżgħar. Għaddejna minn din l-esperjenza li qas naf kif għaddejna minnha. Iżda għal grazzja t’Alla, bit-talb temmen u jirnexxilek.”

Ritratti: Matthew Tabone
Filmat: Noel Zammit
Muntaġġ: Gail Mallia