Internazzjonali

Vatikan: Il-Papa jikkundanna l-ħtif tal-bniet fin-Niġerja

Il-Papa Franġisku, waqt l-indirizz tal-Anġelus ta’ kull nhar ta’ Ħadd, ikkundanna l-ħtif ta’ mijiet ta’ bniet tal-iskola fin-Niġerja bħala ‘azzjoni vili u kodarda’. Dan meta diversi mijiet ta’ bniet għadhom neqsin, ftit jiem wara li grupp ta’ irġiel armati kienu wettqu rejd fuq hostel tal-iskola f’Zamfara, fil-majjistral tan-Niġerja.

Il-Kap tal-Kattoliċi, li kien qed ikellem lid-devoti fi Pjazza San Pietru (f’Ruma), appella biex l-aggressuri responsabbli mill-ħtif ‘jirritornaw il-bniet qawwijin u sħaħ lil familthom’. Hu esprima solidarjetà sħiħa mal-familji inkwistjoni li, bħalissa, għaddejjin minn dulur kbir u inċertezza.

Nhar il-Ġimgħa, grupp ta’ irġiel armati – x’aktarx li briganti – kienu daħlu fil-hostel tal-iskola fil-belt ta’ Jangebe fejn ħatfu lill-bniet u għabbewhom f’numru ta’ vetturi qabel telqu ‘il hinn minn dik iz-zona. Dan meta l-qawwiet tas-sigurtà Niġerjani għadhom għaddejjin bi tfittxija intensiva għall-bniet maħtufa.

Sadanittant, l-Isqfijiet Kattoliċi tan-Niġerja ħarġu stqarrija ta’ kundanna dwar is-sitwazzjoni ‘li qed taqleb dejjem għall-agħar’ f’pajjiżhom.