Lokali Qorti

Żagħżugħ bi problema ta’ droga mixli b’serq jixtieq jindirizza l-problema

Slava Baldacchino, ta’ 23 sena mill-Pietà li kien diġa tressaq il-Qorti mixli bi traffikar ta’ ecstacy u li jaħdem f’ħanut tal-merċa f’Tas-Sliema ġie mixli li seraq mobile tal-għamla Samsung minn San Ġwann nhar il-Ġimgħa.

Baldacchino għandu problema ta’ droga u jixtieq joħroġ minnha, bil-Qorti tilqa’ t-talba tad-difiża biex isir ‘social enquiry report’ biex jindirizza l-problema.

Mill-provi rriżulta li l-valur tal-mobile huwa ta’ madwar €400 u li serqu għall-ħabta tas-7.00pm. Baldacchino li ġie addotat f’Malta mir-Russja, iżda li m’għadux f’kuntatt mal-ġenituri adottivi tiegħu, wieġeb mhux ħati fejn ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti wara li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.

Id-Difiża permezz tal-avukat tiegħu Charmaine Cherrett għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li l-klijent tagħha kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u jista’ jagħti garanzija ta’ residenza fissa peress li jista’ jmur joqgħod mas-sieħba tiegħu. Huwa spjega iżda li ma kienx jaf x’inhu l-indirizz tagħha.

Matul is-seduta fil-Qorti saru diversi tentattivi sabiex isir kuntatt mas-sieħba tiegħu iżda din ma bdietx twieġeb u għalhekk ma setax ikun verifikat l-indirizz fejn seta’imur jirresjedi. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammiut qalet lill-akkużat li għandu bżonn jirriforma ruħu mill-problema akuta tad-droga.

Huwa qal li beda juża d-droga minn mindu kellu 18-il sena. Il-Qorti qalet li trid tkun konvinta li jekk tagħtih l-libertà proviżorja ma jkunx ta’ periklu għalih jew għas-soċjetà. L-Ispettur Matthew Grech qal li fl-aħħar jiem huwa kien qed juri x-xewqa li jidħol fi programm sabiex jiġġieled il-vizzju ta’ kontra d-droga.

Il-Qorti li għamlet minn kollox biex tgħinu qalet li għalissa ma se tkun qed tagħtih il-ħelsien mill-arrest iżda l-każ ser ikompli jinstema’ it-Tnejn illum ta’ Marzu b’urġenza minħabba li għalissa m’għandux indirizz fiss fejn joqgħod u jixtieq jidħol ġo xelter sakemm isib residenza fissa. B’hekk mill-aktar fis possibbli se jkollu opportunità sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest jekk tinstablu residenza fejn joqgħod.