Lokali

AĠĠORNATA: Titlef ħajjitha wara li ntlaqtet minn karozza fil-Qrendi

Mara ta’ 81 sena mill-Qrendi tilfet ħajjitha traġikament wara li ntlaqtet minn karozza waqt li kienet qed taqsam Triq it-Tempesta, fil-Qrendi stess.

L-inċident seħħ ftit wara t-8am meta l-anzjana kienet qed taqsam it-triq u ntlaqtet mill-vettura, misjuqa minn mara ta’ 30 sena residenti l-Imqabba. Il-karozza kienet ġejja miz-zona magħrufa bħala Tal-Maqluba.

Minbarra l-Pulizija, fil-post issejjaħ ukoll tim mediku b’Ambulanza. Madankollu, il-vittma kienet iċċertifikata mejta fil-post.

Dwar il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Claire Stafrace Zammit, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta. Dan hekk kif aktar investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.