Lokali

“F’Ġenna m’aħniex” – il-Kabinett ta’ Abela skomdu jwieġeb dwar il-Covid-19

Ħafna għadhom perplessi bin-narrattiva tal-Prim Ministru Robert Abela f’nofs mewġa qawwija tal-pandemija, meta ftit ilu qalilna li “pajjiżna f’genna”.

Mistoqsi minn Net News dwar is-sitwazzjoni prezenti, wara ġimgħa ta’ numri rekord, Abela insista li jinsab sodisfatt – fehma li ċertament ma jaqbilx magħha l-Ministru Edward Zammit Lewis, li tana l-kummenti tiegħu qabel daħal għal-laqgħa tal-Kabinett.

Fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar pajjiżna ra żieda ta’ 1,590 każ ġdid ta’ Covid-19, ġimgħa illi fiha sfortunatament pajjiżna rreġistra jumejn rekord ta’ każi ġodda u konferma li fi 28 jum pajjiżna ġarrab 48 vittma ta’ din il-pandemija.

Meta Net News staqsa lill-Membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela qabel laqgħa li kellhom fil-binja tal-General Workers Union it-Tnejn filgħodu, il-Ministri dehru skomdi għall-aħħar iwiegbu dwar in-numri tal-pandemija bhalissa.

Intant…jidher li it-tieni set ta’ vouchers, mwiegħda fl-aħħar Baġit ta’ Abela, għad fadlilhom sabiex jiġu mnehdija, għaliex kawża taż-żidiet fil-każi tal-Covid l-istrateġija għadha mhux ċara.

Strateġija mhux ċara wkoll hija dik tat-Turiżmu, fejn wara li l-Ministru Clayton Bartolo qalilna li ser inkunu qed nirriklamaw pajjiżna għax-xemx…issa biddel id-diska, u qalilna li l-Gvern għadu jrid jara x’se jagħmel.

Wara l-Kabinett, meta Robert Abela kien mistoqsi dwar il-ftehim tat-tliet Sptarijiet, il-Prim Ministru reġa’ ħarab milli jwieġeb b’mod dirett.