Lokali

Flimkien neradikaw l-inugwaljanza biex il-mara twettaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħha – Bernard Grech

“Minkejja l-avvanzi li saru, n-nisa għadhom isofru minn diskriminazzjoni kulturali u strutturata partikolarment fil-qasam tax-xogħol. Fadlilna ħafna xogħol li rridu nagħmlu biex neradikaw l-inguwaljanza u biex nassiguraw li nneħħu kull xkiel li jista’ jżomm il-mara milli twettaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tagħha.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa li saret mal-pjattaforma tal-organizzazzjonijiet tan-nisa emPOWer, li kienet immexxija mill-President onorarju Marie-Louise Colerio Preca.

Bernard Grech qal li filwaqt li nirrikonoxxu l-passi li ħadu diversi gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista, u tal-Gvern tal-lum, li daħlu miżuri importanti u pożittivi maħsuba għall-avvanz tal-mara fis-soċjeta’, fadlilna aktar x’nagħmlu biex nassiguraw li l-mara titħallas daqs raġel għall-istess xogħol u li fost l-oħrajn niġġieldu l-pjaga tal-vjolenza domestika. Huwa qal li biex negħlbu l-vjolenza domestika rridu nibdew b’iktar tagħlim fl-iskejjel u fil-mentalita’ biex nispjegaw li ħadd mhu aħjar minn ħaddieħor. Il-mara u r-raġel għandu jkollhom biss l-isem differenti iżda mhux drittijiet differenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni ħadet sehem attiv fid-diskussjonijiet dwar il-Gender Balance in Parliament Reform, sew fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell politiku dwar il-miżuri meħtieġa sabiex ikollna aktar nisa fil-Parlament. Huwa qal li l-Oppożizzjoni eżaminat bl-aktar mod kostruttiv u serju l-proposti tal-Gvern, u ressqet il-proposti tagħha fejn fost l-ohrajn qed tipproponi li l-elezzjonijiet każwali jsiru fl-istess ġurnata mat-tmiem tal-għadd tal-voti biex in-nisa jistgħu jkunu magħżula wkoll għall-Kabinett.

Min-naħa tagħha, ċ-Chairperson ta’ emPOWer Stephanie Falzon spjegat il-ħidma tal-pjattaforma u l-issues li qed taħdem fuqhom bħall-vjolenza domestika, l-gender pay gap u r-riformi Kostituzzjonali. Hija qalet li emPOWer iġġib lill-NGOs biex jingħaqdu flimkien fejn ikun hemm id-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet. Stephanie Falzon qalet li minkejja li mxejna, għad fadal ħafna xi jsir biex ikun hawn ugwaljanza vera u għalhekk huwa ferm importanti li flimkien nimxu ‘l quddiem.

Il-President Onorarju ta’ emPOWer, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-ugwaljanza mhix issue tal-partiti u rridu ningħaqdu flimkien biex kull mara u kull raġel iħossuhom parti vera tas-soċjeta’ u tal-komunita’ tagħna. Hija qalet li l-liġi importanti iżda waħedha mhix biżżejjed mingħajr proċess edukattiv sħiħ fejn intejbu wkoll ir-regolamenti u s-servizzi biex ikunu iżjed ħolistiċi. Għaldaqstant hawn bżonn li l-istakeholders kollha jkunu on-board sabiex jgħinu fil-bidla tal-mentalita’ u tal-kultura. Marie-Louise Coleiro Preca qalet bħala soċjeta’ rridu nistħarrġu sew u nirriċerkaw biex eventwalment naqblu fuq l-istrateġija, fejn il-partiti politiċi l-kbar ikunu flimkien biex nimxu ‘l quddiem.

B’din il-laqgħa mal-pjattaforma tal-organizzazzjonijiet tan-nisa emPOWer, il-Partit Nazzjonalista llum qed iniedi l-attivitajiet tiegħu għal Jum il-Mara bit-tema INDAQS, għax il-PN jemmen fermament fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjeta’ Maltija u Għawdxija.