Lokali Qorti

Ikkonfermati tliet snin ħabs għal raġel li tajjar missier ta’ tliet itfal

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima kkonfermat sentenza ta’ tliet snin ħabs fil-konfront ta’ Anthony Taliana ta’ 32 sena li diġa kien instab ħati li bi traskuraġni kkaġuna l-mewt ta’ ċiklist f’Baħar iċ-Ċagħaq, f’inċident li seħħ kważi 12-il sena ilu. Clifford Micallef (ritratt), missier ta’ tliet itfal, kellu 45 sena meta tilef ħajtu

Mix-xhieda tall-esperti u l-Pulizija ħareġ li l-impatt tant kien wieħed qawwi, li ċ-ċiklista tar minn fuq ir-rota, instabat mal-windscreen u għamel tagħtina fonda fis-saqaf tal-karozza, daqqa konsiderevoli li kienet fatali għall-vittma.

F’Ottubru tal-2018, Taliana kien instab ħati ta’ qtil involontarju mill-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli b’rabta ma’ dan l-inċident, kif ukoll li saq vettura meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba li kien xurban.

Kien it-30 ta’ Lulju tal-2009, fi Triq il-Kosta għall-ħabta tal-5.15 a.m. meta James Clifford Micallef kien ittajjar minn Taliana, li dak il-ħin kien qiegħed isuq ir-rota fuq in-naħa ta’ ġewwa tat-triq, bix-xufier jibqa’ sejjer.

Dak iż-żmien Taliana, li kellu 21 sena, kien fi triqtu lejn Buġibba flimkien ma’ tfajla Ingliża wara lejla f’Paceville. Meta wasal qrib il-kumpless White Rocks, il-karozza Opel Astra baqgħet dieħla fiċ-ċiklist Clifford Micallef li nqatel mad-daqqa.

Minbarra priġunerija ta’ tliet snin ħabs, Taliana kien skwalifikat milli jikseb liċenzja tas-sewqan għal sena. Taliana ma qabilx mas-sentenza tal-Qorti u intavola appell.

Mill-provi rriżulta li l-vittma wara l-impatt kien spiċċa mixħut mal-art fuq in-naħa tax-xellug tat-triq. Fil-post instab ukoll parti minn bumper ta’ karozza li fuqu kienet għadha imwaħħla l-pjanċa ta’ reġistrazzjoni bin-numru tal-pjanċi fuqha u aktar ‘l isfel mill-katavru nstabet ir-rota tal-vittma taħt karozza oħra.

Mill-provi rriżulta li r-rota tal-vittma tkaxkret tul in-niżla mill-karozza l-oħra u nqabdet taħt ir-rota ta’ quddiem ta’ din l-istess vettura. Il-Prosekuzzjoni kienet qalet Taliana kien saq minn fuq il-post.

Il-Pulizija rnexxielhom jaslu għal Taliana peress li kellhom informazzjoni li fil-ħin tal-inċident fil-karozza kien hemm riekba miegħu persuna oħra, u dan minħabba kien hemm tiċpis tad-demm fuq is-seat. Din kienet Natasha Chesney.

Irriżulta li l-veloċità li kien qed isuq il-ħati kienet ta’ 91 kilometru fis-siegħa, li kienet taqbeż sew l-limitu fiż-żona fejn seħħ l-inċident, dik ta’ 70 kilometru fis-siegħa.

Chesney qalet fil-Qorti li kienet inħasdet u li bdiet tgħajjar u twerżaq wara l-impatt. Hija kienet ġibdet l-attenzjoni ta’ Taliana biex jieqaf iżda huwa ma tagħax każ. Wara huwa prova jikkalmaha u baqa’ sejjer lejn Buġibba bil-karozza fi stat ħażin ħafna.

L-esperti fuq ix-xena tar-reat mqabbda mill-Qorti qalu li ma sabu ebda evidenza ta’ marki tal-brejkijiet jew skid marks li dan ifisser li s-sewwieq la waqaf u laqas għamel tentattiv biex jieqaf u baqa’ sejjer fi triqtu kiesaħ u biered.

Il-Qorti semgħet li l-attitudni ta’ Taliana kienet mal-inċident li huwa baqa’ sejjer bil-vettura fil-garaxx ta’ missieru fil-Ħamrun u wara daħal jorqod hija waħda L-Imħallef Edwina Grima qalet li ma setgħetx tistrieħ fuq “konġetturi maħluqa minn Taliana”, li qal li ċ-ċiklista saq għal nofs ta’ triq minħabba siġra, li tinsab fil-ġenb tat-triq, u mbagħad fl-istess nifs jgħid li dan ma kienx viżibbli għalih qabel l-impatt.

Il-Qorti qalet li kieku Micallef għamel il-manuvra li qed jgħid Taliana li saret, kieku kien jinduna biċ-ċiklista quddiemu mill-ewwel. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet ukoll li filwaqt li tapprezza li Taliana qabad it-triq it-tajba u qed jgħix ħajja stabbli, dan ma jnaqqas xejn mill-gravità ta’ dan il-każ.

“F’idejh il-karozza kienet arma letali, tant li kien kaġun mhux ta’ inċident wieħed biss serju fejn tfajla weġġgħet gravament, iżda sfortunatament l-aġir tiegħu wassal għal mewt ta’ missier ta’ familja.”

L-Imħallef qalet ukoll li ma tistax tinjora l-effetti traġiċi li ħalla warajh dan l-inċident fuq il-familjari tal-vittma, li għadhom jinħassu sa issa, b’mod speċjali minn omm li spiċċat trabbi familja waħedha bil-piż kbir li dan iġib miegħu.

Il-Qorti qalet li dan irrispettivament mill-fatt li huwa kkumpensa lill-familja bl-għajnuna finanzjarja tal-ġenituri tiegħu, billi huwa lanqas kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni, u li qalet li ebda kumpens qatt ma jista’ jissostittwixxi l-ħajja ta’ bniedem li ntemmet ħesrem u inutilment minħabba f’dan l-inċident.

Kien għalhekk li l-Imħallef Edwina Grima qalet li ma tara l-ebda raġuni għalfejn kellha tbiddel l-piena u ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza appellata.