Lokali Parlament

Il-Gvern irid iwaqqaf il-pubblikazzjoni ta’ rapport dwar iż-żamma ta’ ġurnalisti f’Kastilja

Deputati tal-Gvern llejla vvutaw kontra l-pubblikazzjoni immedjata tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li kkonkluda li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi żmien Joseph Muscat kien kiser l-etika wara li ġurnalisti nżammu msakkra f’Kastilja kontra r-rieda tagħhom.

Dan irrapport llejla kien diskuss f’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards li fiha d-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia nsistew li r-rapport ikun pubblikat immedjatament.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li filwaqt li jaqbel li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards ikunu pubblikati, f’dan il-każ għandu jintalab ruling mill-Ispeaker minħabba l-legalità tar-rapport. Hu akkuża lill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler li kien qabeż il-limitu tal-funzjonijiet permessi lilu mil-liġi minħabba li l-kwistjoni kienet suġġett ta’ investigazzjoni tal-pulizija u proċeduri legali.

Il-Ministru Byon Camilleri qal li l-liġi li tiregola lill-Kummissarju għall-Istandards tispeċifika li ma jistgħux isiru investigazzjonijiet f’każi li jkunu suġġetti għal investigazzjonijiet tal-pulizija.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia uża l-casting vote tiegħu biex imblokka l-pubblikazzjoni tar-rapport sakemm jingħata ruling.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia akkużat lid-deputati tal-Gven li qed jużaw ir-ruling biex iżommu lill-kumitat milli jiddiskuti r-rapport u li l-istess rapport ikun pubblikat.

Ir-rapport ikkonferma li fid-29 ta’ Novembru 2019 numru ta’ ġurnalisti twqqfu milli joħorġu minn Kastilja fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat. Din il-konferenza kienet ingħatat fit-3 am wara laqgħa twila tal-Kabinet tal-Ministri Laburisti u wara li Muscat kien ħabbar li Yorgen Fenech mhux se jingħata maħfra presidenzjali b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’Novembru li għadda tliet persuni li kienu f’Kastilja dakinhar kienu liberati mill-akkużi li żammew ġurnalisti kontra r-rieda tagħhom f’Kastilja dakinhar.