Ambjent Lokali

Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li Malta m’għandha l-ebda ġustifikazzjoni għal derogi tal-insib – BirdLife Malta

Fi stqarrija, l-organizzazzjoni BirdLife Malta qalet li dan l-aħħar, il-Kumissjoni Ewropea reġgħet tenniet b’mod mill-aktar ċar il-pożizzjoni tagħha dwar id-deroga tal-insib f’Malta u, għal darb’oħra, qalet li Malta m’għandha l-ebda ġustifikazzjoni għal din id-deroga. Għamlitha ċara wkoll li fil-fatt inbdiet azzjoni legali u insistiet li Malta għandha tiġi mfakkra li kienet qablet li l-insib jitwaqqaf gradwalment fi żmien ħames snin mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, kif hemm imniżżel fit-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta stess.

BirdLife Malta qalet li dan kien l-eżitu ta’ konferenza ta’ livell għoli dwar “Il-Kaċċa skont id-Direttiva tal-Għasafar: dibattitu miftuħ fuq is-sitwazzjoni attwali”, li kien organizzat fil-25 ta’ Frar mill-Intergrupp tal-Parlament Ewropew responsabbli mill-bijodiversità, il-kaċċa u l-kampanja, flimkien mal-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni (FACE).

Id-dibattitu tratta wkoll il-kwistjoni tad-derogi. Id-Deputat Kap tan-Nature Unit fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ambjent Michael O’Briain kien kritiku ħafna għall-mod kif Malta qed taġixxi b’rabta mad-derogi u semma’ kif inbdew azzjonijiet legali kontra Malta u l-ġustizzja se tkun qed tieħu l-kors tagħha. O’Briain spjega kif hu kien involut ħafna fit-tfassil tat-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta u fakkar kif Malta kienet l-uniku pajjiż li qatt ingħata perjodu tranżitorju sakemm jiġi konformi mad-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar.

Fil-fatt, kienet ir-responsabbiltà ta’ Malta li tiżgura – kif maqbul fis-sħubija – li wara li jgħaddu l-ħames snin li matulhom l-insib jitwaqqaf gradwalment, ma jkunx hemm aktar insib. Hu spjega wkoll li waqt li d-derogi tal-bidu diġà kien instab li huma illegali mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, issa Malta qed tipprova tuża’ metodu xjentifiku.

Dan il-metodu, waqt li jqajjem diversi dubji dwar il-valur xjentifiku tiegħu, seta’ biss jiġi applikat waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni. O’Briain kompla jispjega kif it-tradizzjoni ma tistax isservi bħala ġustifikazzjoni biex jinkisru d-direttivi tal-UE u li l-Kummissjoni Ewropea tieħu passi kontra l-pajjiżi kollha b’mod ekwu kif għamlet ma’ pajjiżi oħrajn bħal Franza u Spanja.

Is-Senior Head of Policy ta’ BirdLife Europe Ariel Brunner qal li fid-dawl tal-kriżi ta’ telfien ta’ diversi speċi ta’ għasafar fl-Ewropa, jistenna li l-komunità tal-kaċċaturi tagħmel il-parti tagħha u taħdem biex jinbidel kulma qed ikun ta’ dannu għall-għasafar bħalma, hi l-politika ħażina tal-agrikoltura u t-telf tal-ħabitat. Għall-kuntrarju, dak li qed naraw hu ħafna qrid għax il-pajjiżi qed jintalbu josservaw id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar.

Hu fakkar li l-kaċċa sostenibbli hi t-teħid taż-żieda fin-numri tal-ispeċi u għalhekk diversi speċi li naqsu fin-numri m’għandhomx jiġu kkaċċjati. Hu enfasizza l-fatt li l-kaċċaturi għandhom ikunu aktar iddixxiplinati jekk iridu jsiru kredibbli fil-ġbir tat-tagħrif dwar l-ammont ta’ għasafar li jikkaċċjaw, sistema li fl-aħħar għexieren ta’ snin ġiet abbużata u falliet. Sostna li l-obbligu hu tal-kaċċaturi li juru li qed jikkaċċjaw b’mod sostenibbli u jekk ma jafux l-ammonti li qed jaqbdu, allura l-hekk imsejħa kaċċa sostenibbli hi biss invenzjoni.

Il-lobbying ta’ BirdLife Malta dejjem kien fuq l-istess linji tal-punti li qajmu O’Briain u Brunner u għalhekk, BirdLife Malta tilqa’ b’sodisfazzjon kbir dawn l-aħħar żviluppi min-naħa tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ambjent. Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li Malta ilha tabbuża mid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar għal numru ta’ snin.

BirdLife Malta qalet li dan, flimkien mal-fatt li – kuntrarju għal dak li jgħidu xi wħud – Malta falliet milli tikkontrolla l-attivitajiet tal-kaċċa u l-insib, u l-fatt li l-infurzar issa hu prattikament ineżistenti, bl-illegalitajiet qegħdin dejjem jiżdiedu b’mod rampanti, hu tal-mistħija. Aħna nibqgħu ninsistu mal-Prim Ministru biex jieħu bis-serjetà l-ispirtu u d-direzzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (Green Deal) u jwaqqaf derogi futuri.

Jekk din is-sejħa tibqa’ taqa’ fuq widnejn torox, nistennew li l-Kummissjoni Ewropea tkompli bil-Proċeduri ta’ Ksur biex iġġib lil Malta konformi mad-Direttivi tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej u tal-Ewropa b’mod ġenerali.

Filmat dwar l-insib għall-għasafar tal-għana li ntwera matul id-dibattitu tal-ġimgħa li għaddiet kien ikkritikat b’qawwa minn Micheal O’Briain f’isem il-Kummissjoni Ewropea u minn Ariel Brunner minn BirdLife Europe, li ddeskrivewh bħala propaganda qarrieqa.

Fl-interventi tagħhom,huma ddikjaraw li hu diżappuntanti li tara dibattitu bħal dan jispiċċa maħtuf minn propaganda ta’ attività li tinsab taħt kontestazzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea.