Lokali

Il-membri tal-Gvern jibqgħu jiddefendu lil Joseph Muscat – PN

Jivvutaw kontra li r-rapport dwar Joseph Muscat jiġi ppubblikat

Għal darb’oħra il-membri tal-Gvern Byron Camilleri u Edward Zammit Lewis iddefendew lil Joseph Muscat u għamlu dak kollu possibbli biex ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma jiġix ippubblikat. Dan ir-rapport kien dwar dak li seħħ f’Novembru 2019 fil-Berġa ta’ Kastilja meta numru ta’ ġurnalisti ġew imsakkra kontra r-rieda tagħhom.

F’laqgħa li saret illum tal-Kumitat Permanenti dwar Standards fil-Ħajja Pubblika il-membri tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia talbu li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jiġi ppubblikat b’mod immedjat.

Il-membri tal-Gvern Byron Camilleri u Edward Zammit Lewis kif ukoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia vvutaw kontra li r-rapport jiġi ppubblikat.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li;

  1. F’Lulju tal-2020 Joseph Muscat instab ħati ta’ ksur ta’ etika meta rċieva 3 fliexken tal-inbid Petrus li jiswew mas-€6,000 mingħand Yorgen Fenech;
  2. F’Ottubru tal-2020 Joseph Muscat instab ħati ta’ illegalità, ksur ta’ etika u abbuż ta’ poter
    meta ta ordni biex Konrad Mizzi jingħata konsulenza ta’ aktar minn €80,000 fis-sena mill-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA); u
  3. Fi Frar tal-2021 Joseph Muscat instab ħati ta’ ksur ta’ etika meta għadd ta’ ġurnalisti ġew imsakkra kontra r-rieda tagħhom fil-Berġa ta’ Kastilja f’Novembru 2019.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-membri tal-Gvern qegħdin jagħmlu minn kollox biex jipproteġu lil Joseph Muscat kif diġà għamlu f’każijiet oħra li ġew investigati u deċiżi mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja
Pubblika.

llum il-ġurnata Joseph Muscat sar il-politiku li rċieva l-iktar kundanni għal ksur ta’ etika, illegalitajiet u abbużi ta’ poter mwettqa minnu matul iż-żmien li dam Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Dan apparti l-premju tal-iktar politiku korrott fid-dinja li Joseph Muscat rebaħ fl-2019.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li quddiem dan kollu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista għandhom jieqfu jiddefendu u jidolizzaw lil Joseph Muscat u minflok għandhom jikkundannaw bla ebda riżervi l-aġir abbużiv ripetut tiegħu.

Jekk ma jagħmlux hekk huma jkunu kompliċi ma’ Joseph Muscat u jkun qed jikkonfermaw kemm ma jemmnux u ma jipprattikawx politika onesta u
nadifa.