Lokali

Isofru ġrieħi gravi wara li tinqaleb vettura

Żewġ żagħżagħ ta’ 19 u 17-il sena sofrew ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fil-limiti tar-Rabat.

L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-11.50p.m fi Triq Buqana. meta għal xi raġuni, żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti San Pawl il-Baħar tilef il-kontroll tal-vettura Suzuki Samurai u l-vettura spiċċat inqalbet.

Fil-vettura kien hemm ukoll passiġġiera; tfajla ta’ 17-il sena residenti s-Siġġiewi.

Tim mediku wasal fuq il-post u wara li ngħataw l-ewwel għajnuna, iż-żagħżagħ ittieħdu l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard kienu ċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.