L-eks President ta’ Franza, Nicolas Sarkozy, kien ikkundannat 3 snin ħabs, sena minnhom priġunerija effettiva, wara li nstab ħati ta’ korruzzjoni u tixħim.
Sarkozy, li għandu 66 sena, nstab ħati li pprova jxaħħam Maġistrat billi offrielu job f’Monaco jekk jipprovdielu informazzjoni dwar inkjesta li kienet għaddejja fil-konfront tal-partit tiegħu. Anki l-Maġistrat u l-eks Avukat ta’ Sarkozy kienu kkundannati bl-istess piena.
Nicolas Sarkozy, li serva bħala President bejn l-2007 u l-2012, qed jiffaċċja akkużi separati li b’qerq ħeba n-nefqa tiegħu fil-kampanja elettorali tal-2012.
Is-sentenza tal-lum li tinkludi żmien ta’ priġunerija effettiva, hi bla preċedent fi Franza. L-aħħar darba li saru proċeduri simili kienu fil-konfront tal-predeċessur ta’ Sarkozy, Jacques Chirac meta kien għadu Sindku ta’ Pariġi. Hu kien ikkundannat għal sentejn ħabs iżda s-sentenza kienet sospiża.
//= $special ?>