Lokali

Paġna ġdida biex kull bniedem jgħix f’dinjità

Bil-bidliet żgħar li ħabbar il-Prim Ministru, il-problema tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 ser tibqa’ teżisti u tikber fis-snin li ġejjin, u l-Oppożizzjoni tittama li din mhix mossa ta’ qabel l-elezzjoni, fejn il-Prim Ministru jipprova jirkeb fuq l-emozzjonijiet tan-nies u l-inġustizzji tas-sidien tal-proprjetajiet u l-inkwilini inkwetati. Hekk intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo u l-Kandidat tal-PN Darren Carabott.

Ivan Bartolo qal li kellha tkun l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li ssettjat l-aġenda dwar il-kwistjoni tal-kirjiet protetti u l-Gvern Laburista għal darb’oħra reġa’ kien reattiv. Iżda dan m’għamlux b’konvinzjoni u kellu jagħmel din ir-riforma ta’ malajr meta kienet l-Oppożizzjoni li ċaqilqet lill-Gvern Laburista rieqed, fl-isfond ta’ nies li jispiċċaw fit-triq. Huwa qal li bir-riforma mħabbra Robert Abela se jkun qed jibgħat eluf ta’ persuni quddiem il-Qrati u jżid it-tensjoni bejn min jgħix fil-kera u s-sidien tal-propjetajiet mikrija qabel is-sena 1995.

Ivan Bartolo qal li filwaqt li Robert Abela serħilna rasna li ħadd mhu se jispiċċa barra fit-triq, sal-lum wara tmien snin, il-Gvern Laburista ma pprovda lanqas appartament wieħed ġdid, u din l-inkompetenza wasslet biex l-Awtorità tad-Djar għandha quddiemha lista ta’ stennija li b’dal-pass mhi se tiġi indirizzata qatt. Meta l-ispiża mbassra hija ta’ miljun ewro fl-ewwel sena, tliet miljuni fit-tieni sena u ħames miljuni fit-tielet sena, ara kemm kienu jiġu megħjuna aktar nies li kieku mhux qed jitħallas il-prezz tal-korruzzjoni, li kieku €40,000,000 miljun mhux qed imorru kull sena ta’ xejn fil-but tas-SOCAR.

Darren Carabott qal li hawn nies li mhux kuntenti bis-sitwazzjoni kif inhi u qed jistennew li r-riforma tindirizza l-problemi legali u soċjali. Il-PN qed jittamma li l-intenzjonijiet tar-riforma, li ħadd ma jitħalla mingħajr saqaf fuq rasu, tinżamm u dan minkejja li l-Gvern ma bena l-ebda binja tal-akkomodazzjoni soċjali. Huwa qal li hemm ħafna affarijiet li m’humiex qed jiġu indirizzati, u lanqas hemm indikazzjoni mill-Gvern jekk id-definizzjoni ta’ inkwilin hix se tinbidel.

Hawn bżonn ukoll ta’ sistema effiċjenti u inqas burokrazija, bi proċess amministrattiv u mhux wieħed litiġjuż quddiem il-Bord li jirregola l-Kiri, hekk kif se jkun hemm aktar konfront litiġjuż bejn is-sidien u l-inkwilini. Dan minbarra li hemm problema ta’ diskriminazzjoni bejn dawk li huma affetwati bil-kirja l-antika, u kif ukoll dawk li għadhom kif daħlu f’kirja ġdida, b’sitwazzjoni fejn il-Gvern se jgħin sa massimu €10,000 lil dawk li daħlu f’kirja qabel l-1995, u filwaqt li jekk tkun fil-bżonn u qed tikri taħt il-liġi l-ġdida, mhux se jkollok għajnuna. Darren Carabott staqsa jekk il-proċeduri kostituzzjonali li hemm pendenti bħalissa, hux se jiġu affetwati minn din ir-riforma.

Għalhekk jeħtieġ paġna ġdida għal pajjiżna, bi Gvern ġdid Nazzjonalista fejn kull bniedem jgħix f’dinjita’, għaliex meta dan ma jseħħx ikun qed jitlef kulħadd, tkun qed titlef is-soċjeta’ tagħna. Il-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni pożittiva se jibqa’ jressaq l-ideat, is-suġġerimenti għal din ir-riforma.