Lokali Qorti

Tabib jiċħad li qarraq billi eżerċità vantaġġ fuq testment ta’ anzjan li miet

It-Tabib Jan Chircop ċaħad li huwa ħa xi forma ta’ vantaġġ minn fuq anzjan li miet billi kkonfoffa ma’ nutar għall-vantaġġ tiegħu biex jagħmel testment biex jiffavorixxi lilu. Huwa ċaħad ukoll li ħa xi oġġetti ta’ valur li kienu tal-anzjan meta dawn ma kienux tiegħu.

Huwa qal dan meta kien qed iwieġeb għall-Protest Ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li fetħu żewġt aħwa li qed jakkużawh illi biddel it-testment ta’ ħuhom biex seta’ jieħu dak kollu li ħalla warajh inkluż proprjetà, flus, ġojjella u kalċi tad-deheb storiku.

It-Tabib Chircop saħaq li dak li qed jgħidu l-aħwa Alberta Mangion u Jane Mangion mhuwiex minnu “fattwalment u legalment”. Qal li huwa minnu li fit-testment hu tħalla bħala l-unika eredi ta’ Mario Mangion li miet fil-5 ta’ Frar li għadda fl-età ta’ 69 sena bil-COVID-19.

It-tabib Chircop li jiġi t-tifel tal-mibki Deputat Laburista Karl Chircop qal li huwa l-eredi ta’ Mario Mangion skont it-testment li tah f’Ottubru li għadda fejn qal li huwa ferm diżappuntant għan-nuqqas ta’ rispett lejn dak li xtaq Mario Mangion.

Il-kontro protest jgħid ukoll li l-qabar li fih indifen Mangion ma jistax jerġa’ jinfetaħ qabel 10 snin minħabba l-pandemija u sostna li huwa ndifen. Saħaq li l-allegazzjoni tal-aħwa huwa bla bażi u nfondati.

Il-Protest ġie ffirmat mill-Avukati Matthew Paris, Luke Dalli u Ann Marie Cutajar. Sadanittant anke in-Nutar Joe Cilia wieġeb għall-Protest Ġudizzjarju tal-aħwa ta’ Mangion fejn ċaħad l-akkuża tal-aħwa li hu ħareġ xi testment kontra l-liġi.

Qal li Il-kopja tat-testment li qed isemmi il-protest gudizzjarju hija kopja li ninghatat direttament minnu lit-testatur Mario Mangion innifsu li kien talbu kopja ta’ kif inhu dak il-ħin stess li sar u kif kellu dritt li jaghmel.

Qal li kuntrarjament għall-impressjoni mogħtija fil-Protest tal-aħwa, l-aħħar testment li għamillu kien fis-7 ta’ Ottubru 2020.