Lokali

ANALIŻI: Chris Cardona, Keith Schembri u stejjer li għadhom mhux solvuti

L-eks Ministru kien interrogat mill-Pulizija b'rabta mal-assassinju ta' Caruana Galizia

Minkejja li Robert Abela qed jipprova jagħti x’jifhem li l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa magħluq, fatti ġodda li ħarġu fl-aħħar sigħat ikomplu jikkonfermaw li dan żgur mhux il-każ. Anzi, il-Pulizija komplew jinterrogaw aktar persuni u jimxu fuq l-informazzjoni żvelata minn Vince Muscat il-Koħħu.

Fost dawk interrogati kien hemm l-eks Ministru Laburista Chris Cardona illi qatta’ aktar minn siegħa fid-Depot fejn kien affaċjat b’numru ta’ domandi mill-investigaturi. Jidher li fl-istess waqt bdiet ukoll l-analiżi tat-tgħamir elettroniku li ġie elevat fl-arresti tal-ġimgħa l-oħra – b’informazzjoni addizzjonali li taf titfa’ dawl ġdid fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Apparti dan kollu, hemm ukoll żviluppi ġodda marbuta mal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri. Dan hekk kif jidher li ġiet konkluża l-inkjesta Maġisterjali mitluba mill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil fl-2017, b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Skont it-Times, din l-inkjesta issa tinsab għand l-Avukat tal-Istat, għalkemm il-konklużjonijiet għadhom mhux pubbliċi.

L-allegazzjonijiet huma dwar eluf ta’ ewro li għaddew fi tranżazzjonijiet suspettużi mingħand Keith Schembri lil Adrian Hillman, eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers.