Internazzjonali

Covid-19: Franza tapprova l-vaċċin tal-AstraZeneca għan-nies ta’ ‘il fuq minn 65 sena…. Twissija dwar raba’ mewġa tal-virus fl-Istati Uniti

Il-Gvern ta’ Franza qal li l-anzjani – jew aħjar persuni li għandhom ‘il fuq minn 65 sena u li qed ibatu minn kundizzjonijiet tas-saħħa – jistgħu jingħataw it-tilqima bil-vaċċin tal-AstraZeneca għal kontra l-coronavirus.

Id-deċiżjoni tirrifletti u-turn qawwi għal dan il-pajjiż, ġimgħat wara li l-President Franċiż, Emmanuel Macron kien ħareġ b’wiċċu minn quddiem, jinsisti li l-vaċċin tal-AstraZeneca u l-Università ta’ Oxford kien ‘kważi ineffettiv għall-persuni ta’ aktar minn 65 sena’.

Mill-banda l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit u r-regolaturi tal-mediċina Britanniċi sa mill-bidunett ċaħdu għall-kummenti ta’ Macron – bl-aħħar studji juru li t-tilqima bil-vaċċin tal-AstraZeneca, fil-fatt, hi effettiva ferm għall-anzjani.

Dan ukoll wara li Franza, ix-xahar li għadda, approvat l-użu tal-vaċċin għaċ-ċittadini ta’ taħt il-65 sena biss, waqt li semmiet ‘nuqqas ta’ data preċiża relatata mal-persuni ta’ età akbar’.

Intant, il-Ministeru tas-Saħħa Franċiż, fl-aħħar sigħat, qal li ‘il-persuni affettwati mill-komorboditajiet jistgħu jingħataw it-tilqima tal-AstraZeneca.’

It-tilqima partikulari qed tintuża b’mod ġenerali madwar ir-Renju Unit, iżda numru ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ( inkluża l-Ġermanja) għadhom qed jillimitawha għall-persuni taħt il-65 sena.

Għalkemm ir-regolatur tal-mediċina tal-UE approva t-tilqima tal-AstraZeneca għall-adulti kollha, huma l-Istati-membri li – fuq bażi individwali – għandhom ifasslu l-politika ‘tagħhom’ għad-distribuizzjoni (rollout) tal-vaċċin inkwistjoni.

Mill-banda l-oħra hemm ukoll il-każ tal-Kanada,  fejn il-kummissjoni għall-immunizzazzjoni lokali avżat biex il-vaċċin tal-AstraZeneca ma jingħatax lill-persuni ta’ ‘il fuq minn 65 sena fuq il-premessa li ‘għadha limitata d-data dwar il-provi kliniċi għal dik il-kategorija partikulari ta’ ċittadini’.

Sadanittant, uffiċjal tas-saħħa ewlieni fl-Istati Uniti wissiet li l-firxa tal-varjanti tal-coronavirus – li jistgħu jinfettaw lin-nies aktar malajr – qed thedded li tixpruna ‘raba’ mewġa tal-każi (tal-Covid-19) fil-pajjiż’.

It-tabiba Rochelle Walensky, bħala l-Kap tal-US Centers for Disease Control and Prevention (CDC), esprimiet tħassib dwar l-aħħar informazzjoni relatata mal-pandemija u sostniet li, matul il-ġimgħa l-oħra, kienu reġistrati mas-70,000 każ ta’ infezzjoni kuljum li hu numru ‘ferm għoli għall-pajjiż’. Dan meta fl-istess perjodu kienu konfermati mal-2,000 mewta kuljum mill-coronavirus.

‘Dawn il-varjanti huma theddida kbira għall-poplu kif ukoll għall-progress li l-pajjiż kien qed jagħmel fil-ġlieda kontra l-virus,’ sostniet Walensky.

Filwaqt li bħalissa qed jiċċirkulaw diversi versjonijiet – jew varjanti – tal-Covid-19, l-esperti tas-saħħa huma speċjalment inkwetati dwar uħud mill-varjanti li jidhru li qegħdin jinfettaw lin-nies aktar malajr. Dawn jinkludu l-varjanti li feġġew għall-ewwel darba fir-Renju Unit, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel.

Il-US Centers for Disease Control and Prevention, intant, bassar li l-varjant ‘B.1.1.7’ (li għandu potenzjal qawwi ferm li jinfetta lin-nies) li nstab għall-ewwel darba fir-Renju Unit għandu jsir ‘l-element dominanti tal-coronavirus fl-Istati Uniti’ proprju minn dan ix-xahar.