Internazzjonali

Hong Kong: Kompla s-smigħ tad-dissidenti fost sfida lill-awtoritajiet

Għexieren ta’ attivisti favur id-demokrazija rritornaw il-qorti għal proċess ta’ smigħ maratona fejn iridu jwieġbu għall-akkużi dwar sehem ‘f’kampanja ta’ tfixkil għall-Gvern ta’ Hong Kong’. Il-proċess jissimbolizza d-determinazzjoni taċ-Ċina li toħnoq id-dissens f’Hong Kong—territorju li sa ftit ilu kien semi-awtonomu – wara d-dimostrazzjonijiet kbar favur id-demokrazija tal-2019.

L-ewwel fażi tal-proċess, fil-bidu tal-ġimgħa, kellha tkun aġġornata meta erba’ mill-akkużati ttieħdu l-isptar wara sigħat ta’ battibekki legali.

Il-pulizija f’Hong Kong, fi tmiem il-ġimgħa, arrestaw 47 attivist prominenti  fuq l-akkużi li dawn ‘mexxew kumplott biex jostakolaw il-ħidma tal-Gvern’ — bl-arresti jsiru skont il-liġi tas-sigurtà drastika li ċ-Ċina imponiet is-sena l-oħra għal Hong Kong.

L-akkużati jirrappreżentaw diversi fergħat tal-Oppożizzjoni f’Hong Kong u jinkludu eks deputati demokratiċi, akkademiċi, avukati, ħaddiema soċjali u attivisti żgħażagħ.

Intant, mijiet ta’ sostenituri inġabru f’Hong Kong biex jgħajjtu slogans favur id-demokrazija bħala wirja rari ta’ sfida fit-territorju fejn kważi kull forma ta’ protesta saret illegali.