Lokali

Il-falliment fil-contact tracing qed iħalli impatt negattiv fuq-saħħa u l-edukazzjoni

Il- contact tracing qed ifalli barra u qed ifalli wkoll fl-iskejjel, u bin-numri dejjem jiżdiedu tal-każijiet attivi tal-COVID-19 qed jibqgħu jikbru d-diffikultajiet fuq il- frontliners fis-saħħa, l-għalliema u l-istudenti fl-edukazzjoni. Dan huwa ferm ‘il bogħod mill-istampa li qed jipprova jpinġi l-Gvern f’dak li huwa l-immaniġġjar tal-pandemija għaliex in-numri qed jitkellmu waħedhom. Hekk intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli.

Stephen Spiteri qal li rridu naħdmu biex intaffu l-imxija tal- virus għaliex in-numru dejjem jikber huwa ta’ tħassib kbir u qed iħalli riperkussjoni kbira fuq is-settur tas-saħħa, l- frontliners u speċjalment l-isptar li mhux qed ilaħħaq. Huwa qal li hemm bosta fatturi li qed jikkontribwixxu fosthom il-varjanti l-ġodda tal-COVID-19, ż-żieda fir- rapid testing li l-COVID Action Team tal-PN ukoll enfasizza li għandhom jiżdiedu, iżda sfortunatament
il-falliment fil- contact tracing li mhux effiċjenti, mhux ilaħħaq mad-domanda u mhux qed iwassal għal riżultat fil-kontrolli. Dan meta contact tracing b’saħħtu huwa fundamentali fil-kontroll tal-imxija tal- virus fil-komunita’ u għaldaqstant il-Gvern għandu jżid ir-riżorsi partikolarment ir-riżors uman, u jiżdied ukoll l-infurzar, il-monitoraġġ u l-ispezzjonijiet biex
ma jkunx hemm abbuż fid-direttivi tas-saħħa.

Stephen Spiteri qal li meta l-programm ta’ vaċċinazzjoni huwa għodda ferm importanti, l-infurzar tal-miżuri tas-saħħa huwa kruċjali. Dan ukoll b’rispett lejn il- frontliners , l-anzjani u dak kollha li jsegwu b’reqqa d-direttivi mogħtija. Stephen Spiteri qal li jeħtieġ trasparenza fil-programm tal-vaċċinazzjoni biex ħadd ma jaqa’ lura, jiġi diskriminat jew jinqabeż, speċjalment il-persuni vulnerabbli.

Clyde Puli qal li minkejja n-nuqqas ta’ pjan u organizzazzjoni mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-edukaturi għamlu sforz kbir biex l-iskejjel setgħu jiffunzjonaw tajjeb. In-numru dejjem jiżdied tal-każijiet attivi, qed ikompli jaffettwa l-iskejjel ukoll b’żieda fil-każijiet u kwarantina għall-għalliema u l-istudenti, u dan ukoll minħabba li l- contact tracing falla b’persuni li jirċievu li qegħdin fuq kwarantina mandatorja li suppost li bdewha jiem qabel. Dan ifisser li dik il-persuna baqgħet ġimgħa f’kuntatt man-nies.

Clyde Puli tkellem dwar il-loġistika kif qed jingħata l-vaċċin lill-għalliema fejn Għawdxin bagħtuhom Malta u każjiet fejn oħrajn minn B’Buġa kellhom imorru l-Mellieħa, apparti li ammont kbar f’daqqa wasslu għal kjuwiet twal b’nuqqas tas- social distancing . Huwa qal li jeħtieġ li jkun hemm pjan ċar min-naħa tal-Gvern dwar l-eżamijiet u l-assessjar tal-aħħar tas-sena, sistema b’saħħitha tar- remote learning jekk ikun hemm il-bżonn, linji gwida jekk jiġu biex jagħlqu l-iskejjel minħabba ż-żieda fil-każijiet u kif se jiġi indirizzat in-numru tal-assentejiżmu fil-klassijiet. Clyde Puli qal li minkejja li ilna kważi sena fil-pandemija, sfortunatament jidher li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għad m’għandux pjani u tweġibiet.