Lokali Qorti

“Il-Koħħu” jista’ jkun bniedem liberu sa qabel l-2027 jekk jagħmel talba u tintlaqa’ għall-parole

Vince Muscat ta’ 58 sena mill-Imsida magħruf bħala “Il-Koħħu” li ġie kundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta li qatel lill-ġurnalista Daphne Cauana Galizia jista’ jkun bniedem liberu sa qabel is-sena 2027

Kif żvela l-ġurnal “In-Nazzjon” fil-ħarġa tat-Tlieta, 2 ta’ Marzu, mill-15-il sena ħabs li huwa weħel fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia dawn jistgħu jinżlu għal 10 snin, il-perjodu kollu li huwa nżamm taħt arrest preventiv kif ukoll jekk japplika u tintlaqa’ t-talba tiegħu għall-parole.

Dan kollu jseħħ jekk huwa jġib ruħu sew fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u saħansitra permezz tal-Avukat tiegħu u fatturi oħra jikkonvinċi lill-Bord tal-Parole li huwa jista’ joħroġ mill-ħabs fuq diversi kundizzjonijiet.

Is-sentenza ta’ 15-il sena ħabs mill-Imħallef Edwina Grima ngħatat fuq dak li f’termini legali jissejjaħ patteġġament (ftehim) fuq il-piena bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni.

Dan peress li Muscat ta nformazzjoni utli fuq l-omiċidju ta’ Caruana Galizia kif ukoll biex jissolva l-każ tal-Avukat Carmel Chircop li kien inqatel fl-2015 f’Birkirkara, li għalih huwa ingħata l-proklama.

Fil-każ tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia kien hemm tnaqqis fil-piena peress li Muscat għen lill-Pulizija fejn ta nformazzjoni utli biex iż-żewġ omiċidji jissolvew fejn fil-fatt ġew arrestati erba’ persuni oħra.

Fil-fatt nhar l-Erbgħa, l-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufa bħala tal-Maksar, u Jamie Vella – kif ukoll George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż” li diġà qed jaffaċċja akkużi dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia tressqu u ġew akkużati b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia u l-Avukat Chircop,

Sadanittant bħala parti mill-‘ftehim’ bejn il-Prosekuzzjoni u l-Avukat difensur ta’ Vincent Muscat, Marc Sant l-Imħallef Edwina Grima kienet informata li “Il-Koħħu” ma kienx se jappella mis-sentenza. Dan ukoll kien parti mill-‘ftehim’ fuq il-piena.

Muscat kien ilu aktar minn tliet snin arrestat u dan il-perjodu jrid jitnaqqas mill-15-il sena ta’ kundanna fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li jekk joqggħod bil-għaqal, il-perjodu ta’ sena tkun tfisseer tmien xhur, tnaqqis ta’ erba’ xhur kull sena.

Dan peress li huwa fatt magħruf li meta persuna li tmur il-ħabs u toqgħod bil-għaqal għat-terminu kollu, għal kull sena ħabs wieħed irid jagħmel żewġ terzi. Jista’ jkun hemm ukoll applikazzjoni għall-parole, li huwa ħelsien temporanju jew permanenti ta ‘priġunier’ qabel l-iskadenza ta’ sentenza, fuq il-wegħda u t-tkomplija ta’mġieba tajba.

Bord għal tal-apposta jkun irid jagħmel evalwazzjoni tal-applikant u jekk jiġi deċiż li l-persuna jkollha l-kwalifiki kollha biex din tinħareġ mill-ħabs qabel, it-talba tiġi aċċettata. F’Marzu tal-2018 il-Qorti Kostituzzjonali kienet saħħet il-punt tal-parole f’deċiżjoni li kienet tagħat fil-konfront ta’ Brian Vella li kien ġie kkundannat għal għomru l-ħabs.

L-Avukati ta’ Brian Vella, li nstab ħati minn ġurija fl-2007 li qatel koppja anzjana li kienu ġirien tiegħu. Is-sentenza ta’ Vella kienet ġiet ikkonfermata fl-Appell fl-2011.

Vella spiċċa l-ħabs wara li nstab ħati li rabat lil Gerald Grima ta’ 79 sena u lil martu Josephine ta’ 63 sena fl-appartament tagħhom fl-10 ta’ Frar, tas-sena 2000. Il-koppja anzjana spiċċat mietet fgata.

Vella kien rebaħ id-dritt li japplika għall-parole f’deċiżjoni importanti mill-Imħallef Joseph R. Micallef wara li talab li l-ħin tiegħu fil-kustodja jitqies bħala li jgħodd għall-parole tiegħu fejn kien iddeċieda li anke persuni misjuba ħatja ta’ l-aktar delitti orribbli m’għandhomx jitneżżaw mid-dinjità tagħhom u d-“dritt għat-tama” li f’xi ġurnata jinħelsu mill-arrest.

Qabel dawk il-priġunieri li jiskontaw sentenza ta ’għomor il-ħabs ma kienux jikkwalifikaw għall-parole, iżda din is-sentenza bidlet kollox. Fuq każijiet ta’ sentenza ta’ għomor il-ħabs il-priġunieri jkunu jistgħu japplikaw għall-parole wara li jiskontaw minimu ta’ 25 sena.

Dan kien ifisser li Vella se jibbenefika mid-deċiżjoni imma fl-2036, fil-każ ta’ Vince Muscat, f’terminu ta’ 15-il sena ħabs, dan jista’ jagħmel it-talba għall-parole qabel ma jiskonta s-sentenza.