Lokali Parlament

Il-Kummissarju tal-Istandards ma setax jinvestiga ż-żamma tal-ġurnalisti f’Kastilja

– L-Ispeaker Anġlu Farrugia

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler ma kellux il-poter li jinvestiga l-każ taż-żamma ta’ ġurnalisti f’Novembru 2019 wara konferenza tal-aħbarijiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.

Ir-ruling kien intalab fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li saret fl-1 ta’ Marzu 2021 mill-ministri Laburisti Edward Zammit Lewis u Byron Camilleri li oġġezzjonaw li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler dwar iż-żamma ta’ ġurnalisti f’Kastilja f’Novembru 2019 wara konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat jun pubblikat.

Fir-ruling l-Ispeaker qal li l-Kummissarju tal-Istandards ma kellux dritt ikompli jinvestiga l-każ minħabba li dan kien suġġett ta’ investigazzjoni tal-Pulizija li kienet qed tinvestiga tliet persuni li aktar tard kienu akkużati fil-qorti u ġew liberati mill-akkużi li żammew ġurnalistti kontra l-volontà tagħhom f’Kastilja.

Fir-rapport tiegħu dwar dan l-aspett, il-Kummissarju Hzyler qal li hu kompla jinvestiga l-każ għaliex ħass li d-deċiżjoni tiegħu fil-fatt mhux se teffettwa d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell għaliex f’dan l-istadju ma tistax titressaq iktar evidenza.

L-Ispeaker qal l-fatti juru li l-każ għadu quddiem il-Qorti u għalhekk il-Kummissarju ma kellux jinvestiga l-każ għaliex il-Qorti tal-Appell għandha dritt li titlob xhieda.