Lokali Qorti

Il-Qorti mhix konvinta li kokaina misjuba fuq suspettat kienet maħsuba għat-traffikar

Raġel ġie lliberat bil-kundizzjoni mill-Qorti li ddikjarat li ma kienitx “moralment konvinta” li l-qratas tal-kokaina misjuba fil-pussess tiegħu kienu maħsuba għat-traffikar.

Emanuel Mallia ta’ 38 sena spiċċa fl-inkwiet f’Diċembru tal-2013, hekk kif wara li ħareġ minn taxi fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan. Il-movimenti tiegħu qajmu s-suspett tal-Pulizija li kienu fuq patrol.

Ir-raġel twaqqaf u minn tfittxija li saret fuqu, nstabu ħames qratas ta’ trab abjad, suspettati kokaina, li nstabu fil-but tal-jeans tiegħu, flimkien ma’ flus kontanti u mowbajl.

Huwa ġie arrestat u sussegwentement akkużat bil-pussess tad-droga taħt ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx maħsuba biss għall-użu personali tiegħu. Ir-raġel ipprotesta l-innoċenza tiegħu, waqt li xehed fil-Qorti kif dakinhar kien qatta’ l-għodwa jixrob fil-Ħamrun.

Aktar tard filgħaxija, huwa ddeċieda li jieħu taxi għal Paceville biex ikompli jmur jixrob f’gentlemen’s club. Dakinhar ma kienx qed iħossu sew u ħassu taħt dipressjoni, wara li kien għadu kif spiċċa mir-relazzjonio minn mas- sieħba tiegħu stokkja ħażna kokaina biex ikollu għal tul il-weekend kollu, kien spjega l-akkużat.

Fil-fatt, huwa xtara l-qratas eżatt qabel telaq lejn Paceville, ħallas għaliha minn butu u qatt ma kellu l-intenzjoni li jaqsam id-droga ma’ ħadd. Meta tat is-sentenza, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, osservat li għalkemm iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tar-raġel kienu kemmxejn suspettużi, ma kinitx “moralment konvinta” li d-droga ma kinitx maħsuba biss għall-konsum personali.

L-ammont innifsu, jiġifieri 2.53 grammi b’purità ta’ 35%, normalment jista’ jkun assoċjat ma’ użu personali. Barra minn hekk, il-Pulizija ma sabu xejn ieħor fil-pussess tal-akkużat biex jindikaw it-traffikar tad-droga, kompliet tgħid il-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni lanqas ma ppruvat li l-flus kontanti fil-bwiet tar-raġel kienu nkisbu permezz tad-droga. Minħabba ċ-ċirkostanzi, is-suspett kontra l-akkużat baqa’ biss hekk, qalet il-Qorti, billi lliberat lir-raġel minn pussess ta’ droga aggravat u sabet ħtija fuq il-bażi ta’ pussess sempliċi tal-ammont ta’ kokaina “mhux daqshekk sinifikanti”.

Huwa ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettiex reat ieħor għal perjodu ta’ 18-il xahar. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia deheru għal Mallia.