Futbol Sport

Ir-Renju Unit joffri li jospita aktar logħob tal-EURO 2020

Il-Prim Ministru Inġliż Boris Johnson qal li r-Renju Unit jinsab se jkun lest u preparat biex jospita aktar logħob tal-EURO 2020. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet il-Gvern Ingliż ippublika l-pjan sabiex itemm ir-restrizzjonijiet kollha b’rabta mad-distanza soċjali sal-21 ta’ Ġunju.

L-EURO 2020 li kellha ssir fis-sajf li għadda, hija pjanata li ssir madwar 12-il belt fl-Ewropa iżda dan jinsab f’riskju minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19. Wembley Stadium mistenni jospita seba’ partiti tal-EURO 2020 fosthom is-semifinali u l-finali kif ukoll Glasgow u Dublin.

Ir-Renju Unit mistenni wkoll japplika sabiex flimkien mal-Irlanda jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-2030, bil-Gvern Ingliż mistenni joffri €3.2 miljun għal dan il-proċess li se jibda fil-jiem li ġejjin.