Għaddiet sena mill-mewt traġika ta’ Miriam Pace. Kien fit-2 ta’ Marzu tal-2020 meta r-residenza ta’ Miriam Pace ġġarrfet waqt li hi kienet fiha. Traġedja li ħasdet pajjiż sħiħ.
F’post fuq Facebook, ir-raġel tagħha Carmel iddeskriva din il-ġurnata bħala “anniversarju li minflok tiċċelebra terġa’ tispiċċa mkisser meta jibdew jiġu quddiem għajnejk sekonda b’sekonda l-avvenimenti kollha li ġraw f’dan il jum misħut. Jum li tlift kollox. Tlift it-trankwilità, tlift dak kollu li ħdimt għalih għomri kollu, iżda fuq kollox tlift l-imħabba ta’ qalbi.”
Ir-raġel ta’ Miriam Pace, li tul dawn l-aħħar 12-il xahar kiteb b’mod regolari fuq Facebook, illum saħaq li ħajtu qatt mhu ħa terga tiġi normali, “qisni ġisem bla ruħ. Emmini nipprova, iżda kull darba li nħares lejn xi ritratt minn tiegħek għajnejja jimtlew bi dmugħ, anke xi waqtiet bi tbissima fl istess ħin għax niftakar dak il waqt li nkun ħadtlek ir-ritratt.”
F’messaġġ ta’ qsim il-qalb, Carmel Pace jkompli jispjega l-vojt kbir li ħalliet Miriam bħal-lum sena. “Kultant nipprova nieħu ir-rwol tiegħek meta jkun meħtieġ, iżda dan qatt ma jista jkun. Int kont ħajt ta’ sur għalija.”
Hu jistaqsi, “F’din id dinja ħa tissodisfani xi tip ta’ ġustizzja? Le xejn… Bil-bniedem tista’ tqarraq u ddawwar l-argumenti biex il-liġijiet ta’ din id-dinja jastjenuk minn kull ħtija, allura nemmen fil-ġustizzja t’Alla li tagħmel x’taghmel żgur ħa tieħu dak li tassew ħaqqek.”
Carmel Pace temm il-messaġġ tiegħu billi stqarr li jinsab persważ li Miriam hija anġlu fis-sema filwaqt li talab biex tibqa’ żżomm ħarsitha fuq uliedom. “Stennini biex meta jkun il waqt nerġa’ nara dik it-tbissima sabiħa tiegħek u ngħannqek miegħi.”
//= $special ?>