Lokali

L-Att dwar il-Periti se jwassal għal aktar regolamentazjoni tal-professjoni u tal-industrija tal-bini – PN

Wara diversi laqgħat bejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni, l-Kamra tal-Periti u stakeholders oħrajn, ilbieraħ ġie konkluż l-Att dwar il-Periti fl-istadju ta’ kumitat u fil-ġranet li ġejjien se jkun imressaq it-Tielet Qari ta’ dan l-Att għall-approvazzjoni tal-Kamra tad-Deputati.

Il-konklużjoni ta’ dan l-Att huwa pass ‘il quddiem biex kemm il-professjoni ta’ perit infisuha kif wkoll l-industrija tal-kostruzzjoni jkunu aktar regolati u joffru serħan il-moħħ ta’ kull min, b’ mod jew ieħor, huwa nvolut f’din l-industrija tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Dan il-pass tant importanti wasal maċ-ċentinarju tat-twaqqif tal-Kamra tal-Periti fl-1920, waħda mill-aktar professjonijiet antiki f’pajjiżna.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista rappreżentata mid-Deputati Toni Bezzina, David Agius u Kevin Cutajar, kienet strumentatali biex dan l-att seta’ jiġi konkluż grazzi għal diversi emendi li l-Oppożizzjoni ressqet quddiem dan il-kumitat u għall-insistenza tagħha biex saru d-diskussjonijiet kollha neċessarji biex intlaħaq qbil bejn il-partijiet kollha nvoluti u b’hekk dan it-tragward intlaħaq.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ taħdem biex liġijiet t’importanza nazzjonali jkunu diskussi bis-serjeta’ f’fora apposta, jkun hemm il-konsultazzjoni neċessarja kif wkoll ikun hemm qbil fuqhom għall-ġid tan-nazzjon.