Internazzjonali

L-Istati Uniti timponi sanzjonijiet fuq ir-Russja dwar il-każ ta’ Navalny

L-Istati Uniti ħabbret is-sanzjonijiet għar-Russja b’konnessjoni mal-ivvelenar, xhur ilu, tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu, Alexei Navalny.

Is-sanzjonijiet huma indirizzati għal seba’ uffiċjali ewlenin f’Moska flimkien ma’ erbatax-il entità involuta fil-produzzjoni tal-materjal kimiku.

Dan wara li s-servizzi sigrieti Amerikani konkludew li l-Gvern Russu kien ‘il-protagonista’ wara l-attakk b’kimika velenuża ( nerve agent) fuq Navalny li kien kważi swielu ħajtu. L-attakk seħħ f’Awwissu, meta Navalny — l-aktar kritiku prominenti tal-President Russu Vladimir Putin — kien qed jistenna biex jaqbad titjira fis-Siberja.

Navalny kien waqa’ f’koma ftit wara li spiċċa vvelenat u maż-żmien kien twassal il-Ġermanja fejn irnexxielu jirkupra wara proċess ta’ rijabilitazzjoni fit-tul. Intant, hu spiċċa arrestat f’Jannar, wara li mar lura pajjiżu.

Ir-Russja qed tiċħad dwar l-ivvelenar ta’ Navalny u li fl-attakk intuża n-nerve agent bl-isem Novichok — skont il-konklużjoni tal-esperti dwar l-armi fil-Punent. Intant, qorti fir-Russja, ġimgħat ilu, imponiet sentenza ta’ ħabs għal Navalny li kien akkużat dwar abbuż tal-kundizzjonijiet ta’ probation relatati ma’ akkużi dwar frodi.

Sadanittant, is-sanzjonijiet mill-Istati Uniti qed ikunu koordinati mal-Unjoni Ewropea, li min-naħa tagħha mistennija timponi hi ukoll passi simili fil-konfront ta’ Moska.

Dawn huma anki l-ewwel sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja mill-Gvern tal-President Amerikan Joe Biden — bil-Mexxej tal-Istati Uniti qed juri li lest jaddotta politika aktar iebsa minn tal-President ta’ qablu (Donald Trump) fil-konfront tar-Russja.