Lokali

“Persuna qatt m’għandha tieqaf toħlom”

Joe Cassar jintervista lil Leone Sciberras

Jiena nemmen li persuna qatt m’għandha tieqaf toħlom. Iżda li toħlom biss u ma tagħmilx il-parti tiegħek mhux biżżejjed. Kull persuna għandha tesprimi ruħha u toħroġ l-ideat u l-potenzjal tagħha. Jekk jien irrid nagħmel il-bidla ma nistax noqgħod nistenna lil ħaddieħor jagħmilha għalija imma rrid nara li nkun parteċipi u nagħti sehmi b’kull mod biex dik il-bidla sseħħ.”

Dan huwa kliem Leone Sciberras, raġel ta’ 37 sena li ta’ 12-il sena tilef id-dawl t’għajnejh. Fi kliemu stess, minflok intefa’ f’rokna u qagħad jibki xortih, Leone qam fuq tiegħu u ra li jitgħallem kemm jiflaħ biex ikun kapaċi jibqa’ għaddej b’ħajtu u jkollu futur kemm jista’ jkun indipendenti u li ma jimpedih minn xejn.

Leone baqa’ joħlom u jwettaq… u l-ħolma li jmiss issa hi li jidħol fil-politika bħala kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, bil-kandidatura tiegħu diġà ssib l-approvazzjoni tal-partit.

Għal din l-intervista laqagħni fil-post tax-xogħol tiegħu, fil-Librerija Nazzjonali ta’ Belt is-Sebħ, il-Furjana. Akkumpanjat mill-kelba-gwida tiegħu, Leone ntasab mill-ewwel quddiem il-computer tiegħu u nistqarr li għaġġibni l-mod kif beda jħaddmu u jsib dak li xtaq jurini b’ħeffa u preċiżjoni liema bħalha.

Ma stajtx ma nibdiex billi nikkumplimentah għal dan u nurih li jekk inkun onest stagħġibt mhux ħażin bil-mod tant kunfidenti kif, minkejja li ma jarax, iħaddem il-computer. 

Leone kien pront fit-tweġiba tiegħu: “Fil-fatt illum m’għadniex nitkellmu fuq diżabbiltajiet imma fuq abbiltajiet. Inti għandek l-abbiltà li tara u tuża l-keyboard u l-mouse bl-aħjar mod, u jien għandi l-abbiltà li nisma’ l-computer ikellimni, jiġifieri qisna qed nagħmlu l-istess ħaġa imma b’abbiltajiet differenti, int qed tuża għajnejk u jiena nuża widnejja. Jiġifieri llum il-ġurnata nippreferu nħarsu lejn abbiltajiet minflok diżabbiltajiet.”

Hija s-soċjetà li timpedixxi mhux id-diżabbiltà

Leone kompla jispjegali li llum nafu li mhijiex id-diżabbiltà nnifisha li timpedixxi lill-persuna li tagħmel l-affarijiet li tixtieq, imma pjuttost hija s-soċjetà ta’ madwarna li tpoġġi l-ostakli quddiem persuni bħal dawn. 

“Biex inġiblek eżempju, jekk jien inkun miexi fuq bankina u nsib li hemm karozza pparkjata, din se toħoqli diffikultà, imma kieku dik il-karozza ma kinetx hemm jiena kont nibqa’ miexi bla problemi. Mela mhux id-diżabbiltà impedietni li nibqa’ għaddej imma n-nuqqasijiet, anki jekk mhux intenzjonati, ta’ ħaddieħor.”

Staqsejt lil Leone jekk illum, meta hawn dan l-għarfien u din l-edukazzjoni kollha, għadhomx xorta waħda jsibu ostakli bħal dawn fit-toroq u f’postijiet oħra. Ma ħasibha xejn biex iwieġeb b’mod deċiż: 

“Iva. Jiddispjaċini ngħid li ċerti affarijiet anki llum għadhom isiru mingħajr ippjanar. Ħa nsemmi eżempju wieħed: dak li jissejjaħ Il-Biskuttin, fil-Furjana lejn id-daħla tal-Belt, fit-tarf tal-bankini għamlu qishom tech tiles, linji dritti li jibqgħu sejrin kważi sal-venda. Dawn iservu biex persuna nieqsa mid-dawl tpoġġi l-‘white cane’ bejniethom u tibqa’ ssegwi dejjem dritt. Inizjattiva tajba, li kelli sehem fiha jien ukoll. Imma x’ġara? Preċiżament quddiem dawn it-tech tiles poġġew il-gabbani, b’konsegwenza li ħolqu ostaklu għalina bin-nies li jkun hemm jixtru quddiem il-gabbani… jiġifieri l-intenzjoni kienet tajba imma ridna naħsbu ftit iktar f’dak li hu dettall.”

Leone semmieli wkoll l-ostaklu li joħolqu ċerti friegħi tas-siġar jew pjanti li mill-parapetti tar-residenti joħorġu għal fuq il-bankini u jagħlqu tliet kwarti tal-ispazju. “Il-mistoqsija li kulħadd irid jagħmel hija, jekk xi ħadd nieqes mid-dawl – u kultant anki jekk mhuwiex – ikun miexi fuq din il-bankina, qiegħda toħloqlu ostaklu ħaġa bħal din? Jekk iva, ejjew naraw li nneħħuhom dawn l-ostakli. U m’iniex ngħid għal persuni neqsin mid-dawl biss imma anki għal dawk fuq wheelchair jew għal mara jew raġel miexi bil-carrier wara xi xirja, għal xi ħadd b’tarbija f’pushchair, eċċ. Il-bankini żgur li jistgħu jsiru b’ħafna aktar ħsieb u b’aktar konsiderazzjonijiet għal kulħadd, l-aktar bil-mod kif isiru ċerti rampi u turġien. Nemmen li l-Kunsilli Lokali għandu jkollhom l-għodda u l-poter biex fejn jaraw ostakli bħal dawn jieħdu azzjoni mill-ewwel.”

Jitlef il-vista t’għajnejh ta’ 12-il sena

Tlabt lil Leone jispjegali ftit fiex jikkonsisti x-xogħol tiegħu u kif jista’ jkampa biex jagħmlu mingħajr il-ħtieġa li jitlob l-assistenza ta’ ħaddieħor kontinwament. Spjegali li hu tilef il-vista tiegħu meta kellu 12-il sena. 

“Kieku ma ġralix hekk probabbilment illum qiegħed fis-settur tal-kostruzzjoni għax kont diġà ngħin xi ftit lil missieri, li huwa kuntrattur. Allura kelli nagħmel għażla, jew li neduka lili nnifsi biex inkun nista’ nibqa’ għaddej b’ħajti, jew l-għażla l-oħra kienet dik li nintefa’ f’rokna, kulħadd jitħassarni u ngħix il-kumplament ta’ ħajti bħala ‘l-miskin’.”

Leone qalli b’ċertu sodisfazzjon, li hu mar għall-ewwel waħda mill-għażliet ta’ quddiemu minkejja li dak iż-żmien, lura fl-1996, id-diżabbiltà kienet għadha meqjusa bħala tabù. Ċertament ma kienx żmien faċli għal persuni bid-diżabbiltà. Kien iż-żmien meta Leone beda jattendi l-Ispecial School u jassorbi kemm jista’ tagħlim biex ikun jista’ jkompli jgħix ħajtu b’mod kemm jista’ jkun normali.

“Imma l-qabża l-kbira seħħet fl-2001 meta għaddiet l-Equal Opportunity Act. Din il-liġi fetħet il-bibien beraħ għal persuni b’diżabbiltà. Ipprovdiet, fost oħrajn, li fit-trasport pubbliku u f’ċerti postijiet pubbliċi anki privati bħal restoranti, persuna b’diżabbiltà ma setgħetx tiġi aktar diskriminata fejn kont tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet fejn sid ta’ stabbiliment ma jħallix persuna b’diżabbiltà tidħol għax ir-roti tal-wheelchaire jimmarkawlu l-art, jew għax lanqas biss kellu aċċess fid-dħul għal wheelchair. L-Equal Opportunity Act tat id-dritt fundamentali ta’ uman lill-persuni b’diżabbiltà li jgħixu ħajja normali bħal kull ċittadin ieħor. Kienet iċ-ċavetta għall-integrazzjoni bil-fatti.”

Fl-iskola Leon mexa ’l quddiem u beda jibbrilla. Attenda l-Lifelong Learning u minn hemmhekk ġab b’suċċess l-O Levels, l-A Levels, diploma fl-IT, u dan kollu wasslu biex illum il-ġurnata wasal għal Business Management. Jgħid illi kieku ma kinetx l-Equal Opportunity Act ċerti setturi kienu jagħlqu l-bibien għal persuni b’diżabbiltà u l-persuna, minkejja li tkun għamlet sforzi kbar biex imxiet ’il quddiem, tibqa’ ssib il-bibien magħluqin f’wiċċha.

Daħal fid-dinja tax-xogħol

L-ewwel xogħol għal Leone kien fis-‘sales’. “Għamilt qisu sitt xhur inbigħ u mbagħad ħarġet vakanza fl-informatika u ħdimt seba’ snin ma’ kumpanija. Wara skoprejt vakanza għal librara u spiċċajt naħdem mal-Malta Libraries. Ix-xogħol tiegħi llum hu li nieħu ħsieb it-‘talking books’, sezzjoni intiża għal dawk li għandhom diffikultà biex jaċċessaw ktieb fiżiku, inkluż dawk li minħabba diżabbiltà fiżika ma jistgħux iżommu ktieb f’idejhom jew dawk li għal xi raġuni ma joħorġux minn djarhom. 

L-‘audio book’ huwa ktieb li minflok qed taqrah tkun qed tisimgħu jinqara minn persuni li jiġu jaqraw u jiena nieħu ħsieb ir-recording, l-arkivjar u l-kumplament. Issa ili nagħmel dan ix-xogħol mill-21 ta’ Ġunju tal-2015.”

Ir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament

Kelma ġġib lill-oħra u Leone spiċċa jkellimni fuq suġġett li qed iqajjem interess bħalissa, liġi intiża li tagħti rappreżentanza akbar lin-nisa fil-Parlament. Hu kien ċar li jaqbel li fil-Parlament ikun hemm rappreżentanza ikbar ta’ nisa, imma jħoss li minflok naqbdu u nipprovdulhom is-siġġijiet għandna nidħlu ftit aktar fil-fond tal-ħsieb u naraw x’inhi l-problema jew problemi li qegħdin jimpedixxu lin-nisa biex jiksbu post fil-Parlament. 

“Jiena nemmen li l-bniedem għandek tagħtih il-qasba u mhux il-ħuta. Jekk hemm problema bl-għanqbut ejja nneħħu l-brimba mhux l-għanqbuta. X’inhi r-raġuni li l-mara mhux qed tersaq jew mhux qed tersaq biżżejjed lejn il-politika? Forsi għax tħoss li għandha prijoritajiet oħra f’ħajjitha? Forsi minħabba l-perċezzjoni tal-Maltin li ma jivvutawlhiex sempliċement għax hija mara? Jekk tħares lejn il-kandidati tal-partiti politiċi kollha żgur se ssib li hemm iktar irġiel milli nisa. Mela l-problema minn hemm trid titlaq u minn hemm trid tkun ittakiljata. Irridu naraw kif intaffu l-problemi tan-nisa biex inħeġġuhom u ngħinuhom biex jikkandidaw ruħhom aktar għall-elezzjonijiet.”

Leone kompla li l-istess ħaġa għandha tapplika għall-persuni b’diżabbiltà. “Jiena naqbel li dawn għandu jkollhom l-għajnuna kollha possibbli biex ikunu integrati, iżda x’għandna nippreferu, li jħaddmu l-persuna minħabba l-liġi tat-2% jew għax verament jemmnu fiha? Jien infurmat li hawn persuna nieqsa mid-dawl li kienet se tiġi impjegata u għandha diffikultà minħabba l-mobbiltà, kif se tasal ix-xogħol u tmur lura lejn darha. Mela allura ejja naraw kif ngħinuha persuna bħal din minflok nimponuha fuq min iħaddem.

Erġajt dawwart is-suġġett fuq Leone nnifsu u staqsejtu jekk hu personali jsibx diffikultajiet fil-post u fl-ambjent tax-xogħol tiegħu. 

“Jiena bħala karattru jekk se nsib xi ħaġa li tfixkilni mhux se nibqa’ lura milli nitkellem biex l-affarijiet jitjiebu. Hawnhekk fil-Librerija ma nsib l-ebda problema partikolari u nħossni rispettat; rispettat mhux minħabba d-diżabbiltà imma bħala persuna.”

X’jimmissja minn dak li kien jara

Tlabt lil Leone jmur lura ftit għat-tfulija tiegħu, għaż-żmien meta kien jara, u tlabtu jgħidli x’jimmissja l-aktar li jara minn dak il-perjodu ta’ ħajtu. Qalli li meta kien żgħir kien l-għaxqa tiegħu jmur xi ġirja fil-kampanja, jilgħab il-futbol, jiġri bir-rota… “Qabel kelli l-kelba-gwida dawk il-mixjiet fil-kampanja l-aktar li kont nimmissja, imma issa bl-għajnuna tal-kelba dan nista’ nagħmlu… avolja l-kampanja sfortunatament dejjem qed tonqos minn pajjiżna. Forsi l-aktar li nimmissja hija xi ġirja bir-rota fil-kampanja, li tesperjenza dak ir-riħ u l-arja friska ma’ wiċċek… hemm alternattivi wkoll ta, imma mhux se jkollok dik is-sensazzjoni li qbadt ir-rota u tlaqt fejn jieħdok ir-riħ.”

B’ċaqliqa żgħira l-kelba-gwida bl-isem ta’ Żara mimduda siekta biswit Leone donnha riedet tfakkarna fl-għajnuna li tagħti lil sidu biex jgħix ħajja kemm jista’ jkun normali. U s-suġġett dar fuqha. “Kif għedtlek qabel, jien stajt inqum u nimxi u stajt nintefa’ f’rokna nibki xortija. Il-kelba nista’ ngħid li għenitni ntejjeb ħajti għaliex qabel kont aktar dipendenti fuq ħaddieħor biex immur minn lokalità għall-oħra. Illum permezz tal-kelba tiegħi nista’ nuża t-trasport pubbliku u b’hekk inħossni aktar indipendenti. Il-kelba-gwida hi għodda essenzjali ħafna fejn tidħol il-ħajja tal-persuni li ma jarawx. Għodda oħra hi l-‘white cane’, imma l-kelb tħoss li għandek xi ħaġa ħajja miegħek li tgħinek u tiffaċilitalek ħajtek.”

Leone jgħid li l-kelba tgħinnu jasal sa fuq l-istejġ u jekk fit-triq isib xi ostaklu bħal xi ħaġa mhux tas-soltu fuq il-bankina, se tgħinu biex idur magħha u jibqa’ miexi jew kultant tkun hi stess li tipprova ssib alternattiva biex tkompli għaddejja fl-istess direzzjoni. Hija l-wens tiegħu ma’ kull pass li jagħmel u ma’ kull vjaġġ li jkollu bżonn jagħmel, partikolarment mid-dar għax-xogħol u lura. Imma kapaċi twasslu wkoll sal-ATM u postijiet oħra regolari li jkollu bżonn jasal għalihom minn żmien għal żmien. 

Leone jirrikonoxxi l-fatt li llum – anki permezz ta’ ħidma li wettaq hu stess meta kien chairperson tal-Malta Guide Dogs – ix-xufiera tat-trasport pubbliku u dawk tat-taxis huma edukati u mgħarrfa sew dwar kif għandhom jittrattaw persuni u klieb bħal dawn. 

Ambizzjonijiet għall-futur

Din hija ftit jew wisq il-ħajja ta’ kuljum ta’ Leone. Imma persuni b’nuqqas ta’ dawl ikollhom ambizzjonijiet għall-futur tagħhom?

It-tweġiba ta’ Leone turi x’tip ta’ karattru pożittiv kont qiegħed nintervista: “Jiena nemmen li persuna qatt m’għandha tieqaf toħlom. Iżda li toħlom biss u ma tagħmilx il-parti tiegħek mhux biżżejjed. Kull persuna għandha tesprimi ruħha u toħroġ l-ideat u l-potenzjal tagħha. Jekk jien irrid nagħmel il-bidla ma nistax noqgħod nistenna lil ħaddieħor jagħmilha għalija, imma rrid nara li nkun parteċipi u nagħti sehmi b’kull mod biex dik il-bidla sseħħ.”

Hu fatt magħruf illum li Leone qed jaspira li jidħol fl-ambjent politiku bħala kandidat ġdid tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. 

“Iva, jiena ġejt aċċettat uffiċjalment bħala kandidat tal-PN u se nkun qed nitlob il-fiduċja tan-nies permezz tal-vot tagħhom fl-elezzjoni li ġejja. Jekk l-elettorat jagħtini l-fiduċja tiegħu nwiegħdu li nwettaq it-twemmin tiegħi li fil-politika ma nħarisx minn fuq għal isfel imma minn isfel għal fuq. Jien naħseb li jiena persuna ġejja minn ‘isfel’, fil-qasam soċjali, fil-qasam tad-diżabbiltà, u nemmen li biex niddeċiedi ma rridx naqbad u nwettaq dak li nemmen fih jien waħdi imma nara u niżen il-veduti tan-nies hemm barra biex finalment jirbaħ il-ġid komuni tas-soċjetà, soċjetà inklussiva li ma tħalli barra lil ħadd.

Nemmen li l-politika trid issir bid-djalogu, bl-involviment ta’ persuni varji minn kull qasam tas-soċjetà.”

L-aħħar mistoqsija lil Leone: Meta tasal l-elezzjoni u tmur quddiem in-nies titlobhom il-vot tiegħek, għalxiex tħoss li għandhom jivvutawlek?

“Jiena ma rridx li n-nies jivvutawli għax ‘miskin’. Jiena ma rridx lin-nies jivvutawli għax niġbed is-simpatija tagħhom bħala persuna b’diżabbiltà. Jien lin-nies irridhom jivvutawli għax nikkonvinċihom bl-għajta tal-iljun kif iġib ismi, li se nkun kapaċi nagħmel id-differenza u nwettaq il-bidliet meħtieġa li minnhom igawdi kulħadd, persuni b’diżabbiltà u mhumiex.”