Coronavirus Lokali Saħħa

Persuni mhux vulnerabbli qed jirċievu appuntament doppju għat-tilqima tal-Covid

"Jien minix kbir fl-eta' u minix vulnerabbli. Għaliex tawni appuntament?"

Aktar kmieni dalgħodu NetNews irċieva informazzjoni li numru ta’ persuni, ħafna minnhom mhux vulnerabbli, qed jingħataw appuntament doppju għat-tilqima ta’ kontra l-Covid-19.

F’numru ta’ ittri bl-appuntament għall-vaċċin tal-Covid-19, maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa u li inbgħatu lill-istess persuna, wieħed jinnota t-taħwid li qed joħolqu dawn l-appuntamenti doppji.

“Jekk hemm pjan u strateġija, għaliex dan il-ġenn? Għaliex irċivejt jumejn fuq xulxin biex nieħu l-ewwel doża?”, qalilna r-raġel li tkellem magħna.

Dan ir-raġel irċieva appuntament doppju għall-vaċċin, b’dati differenti. Anke t-tieni appuntament kellu dati differenti. Apparti l-fatt li hu għadu ma jistax jifhem għaliex se jitlaqqam issa. “Jien minix kbir fl-eta’ u minix vulnerabbli. Għaliex tawni appuntament?”

Il-perjodu ta’ bejn l-appuntament tal-ewwel doża u t-tieni doża jvarja wkoll minn ittra għal oħra. F’ittra minnhom, il-perjodu huwa ta’ tlett ġimgħat bejn l-ewwel doża u t-tieni doża, filwaqt li fit-tieni ittra, il-perjodu ta’ bejn doża u oħra hu ta’ xahrejn. Dan juri li din il-persuna kienet ser tingħata vaċċin differenti – f’postijiet differenti.

Net News jista’ jikkonferma li hemm numru ta’ każi simili bħal dan.