Coronavirus Lokali

“Belgħetna mewġa kbira” … “Mhux mewġ fil-baħar, tsunami fuq gżira”

In-numru rekord ta’ każi pożittivi ta’ Covid-19 f’24 siegħa wassal ghal rabja kbira min-nies lejn id-decizjonijiet li qed jiehu l-Prim Ministru. Dan wara d-diversi dikjarazzjonijiet ta’ Robert Abela fl-aħħar ġimgħat, sal-aħħar waħda ftit jiem ilu meta qal li ninsabu f’ġenna.

Fil-fatt, il-post dwar ir-rekord ta’ każi ppubblikat fuq il-paġna tal-Facebook tax-Xandir tal-Istat kellu diversi kummenti li jindikaw id-dizappunt kbir tan-nies. Fosthom kien hemm min staqsa lill-Prim Ministru dwar il-fatt illi f’Marzu kellna nitilqu niġru, kif ukoll li mhux talli l-mewġ mhux fil-baħar, talli pajjiżna nħakem minn tsunami jew inbela minn mewġa kbira.

Oħrajn staqsew jekk ir-restrizzjonijiet li ttieħdu s’issa kienux biżżejjed, filwaqt li kien hemm min appella għal aktar multi ħorox. Min-naħa l-oħra, kien hemm min ikkritika waħda mill-aħħar deċiżjonijiet li ttieħdu mill-awtoritajiet, fejn wara 15-il ġurnata m’għadx hemm il-ħtieġa li wieħed jagħmel swab test biex jikkonferma li l-virus ikun għaddielu.

F’kummenti oħrajn issemma’ wkoll il-fatt li l-proċess ta’ tilqim qed jieħu wisq fit-tul u għalhekk, dan l-immaniġġjar ħażin qed jagħti ċ-ċans lill-virus ikompli jinxtered aktar malajr. Kien hemm anke min appella lil min imexxi d-Dipartimenti tal-Gvern biex jippromwovi aktar il-kunċett ta’ teleworking, kif ukoll li l-Gvern raqad fit-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet.

Fost diversi appelli oħrajn lejn Robert Abela u l-Gvern tiegħu, hemm min fakkar kif fil-bidu tal-pandemija konna nistagħġbu meta kienu jirriżultaw 10 każi ġodda, filwaqt li issa li ta’ kuljum qed ikun hemm il-mijiet, qisu xejn mhu xejn.